Fl-2017 Malta bl-akbar żieda fil-popolazzjoni fl-UE

    Malta rreġistrat l-akbar żieda fil-popolazzjoni tagħha fuq livell ta’ Unjoni Ewropea, b’żieda ta’ 32.9 residenti għal kull 1,000 resident. Dan joħroġ minn statistika li kienet ippubblikata mill-Eurostat illum, li jindika li l-popolazzjoni fil-blokk Ewropew fl-2017 żdied kaġun tal-fattur tal-immigrazzjoni.

    Fl-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena l-popolazzjoni Ewropea kienet tammonta għal 512.6 miljun persuna, żieda ta’ 1.1 miljun persuna mis-sena preċedenti.

    Fl-istqarrija li ppubblikat, il-Eurostat saħqet li matul l-2017 kienu reġistrati aktar imwiet milli twelid ta’ trabi “b’dan ifisser li l-bidla naturali tal-popolazzjoni Ewropea kienet negattiva. Iż-żieda fil-popolazzjoni allura kienet ikkaġunata mill-immigrazzjoni.”

    Il-Ġermanja huwa l-aktar pajjiż popolat fl-Unjoni Ewropea bi 82.9 miljun resident, ekwivalenti għal 16.2% tal-popolazzjoni Ewropea.

    L-istatistika tal-Eurostat tindika li fl-2017 twieldu 5.1 miljun tarbija fl-Unjoni Ewropea, tnaqqis ta’ kważi 90,000 tarbija mis-sena preċedenti.