It-tmien safra għall-Banda Santa Katarina taż-Żurrieq

    Din id-darba, il-Banda tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina taż-Żurrieq ser tipparteċipa f’Festival ġewwa l-Awstrija

    Bejn għada l-Erbgħa 11 u l-Erbgħa 18 ta’ Lulju, il-Banda tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina, ser tkun qed parteċipanta fil-Mid Europe International Wind Music Festival fost 37 banda minn madwar id-Dinja. Din ser tkun il-21 edizzjoni ta’ dan il-festival, li huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar festivals importanti għall-baned sinfoniċi.

    Dan il-festival kull sena jara l-parteċipazzjoni ta’ għadd ta’ baned li kollha jdoqqu stili differenti ta’ mużika. Din is-sena, se jkunu mal-2,500 mużiċist minn 15-il pajjiż differenti u flimkien jesperjenzaw mużika klassika, moderna, familjari, tradizzjonali, kontemporanja, reġjonali internazzjonali u ħafna aktar.

    Il-Festival ser ikun qed jittella’ f’Schladming, villaġġ żgħir fl-Alpi biswit il-muntanja Dachstein fl-Awstrija stess.

    Din hija t-tmien darba li tul l-istorja tagħha, il-Banda Santa Katarina taż-Żurrieq ser tkun qed tirrappreżenta lil pajjiżna barra l-pajjiż. Tul l-istorja, din il-Banda siefret fi Sqallija, Bari, Lucca, Budapest u l-Black Forest fil-Ġermanja. 

    Għal din is-safra, il-Banda ser tkun komposta minn 50 element mużikali, kollha mużiċisti tal-post fi ħdan l-istess Soċjetà, akkumpanjati minn kontiġent ta’ madwar 180 partitarju Palmist. 

    Sehem il-Banda f’dan il-festival ser ikun f’żewġ serati; waħda ta’ mużika pop u moderna fuq barra u kunċert ieħor ġewwa Schladming Congress Hall b’kunċert ta’ mużika klassika. Sehem ieħor tal-banda ikun waqt serata tal-baned kollha mistiedna magħrufa bħala tutti performance, fejn jindaqqu siltiet mużikali bħala massed band ġewwa arena.

    Is-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. taż-Żurrieq hija kburija li ser tirrapreżenta lil Malta fil-Mid Europe Festival, li huwa meqjus bħala l-palk tal-mużika sinfonika fid-dinja.