Air Malta ttejjeb is-servizzi fl-Ajruport Orly ta’ Pariġi

    “L-Air Malta għandha l-impenn li toffri kwalità u kumdità lill-klijenti tagħha waqt il-vjaġġ tagħhom.”

    Hekk saħaq il-Kap tal-Operazzjonijiet Silvio Falzon filwaqt li qal li “s-servizzi tagħha f’diversi ajruporti qegħdin jitjiebu kontinwament u qegħdin jiġu awditjati minn żmien għal żmien, sabiex niżguraw li jkunu qegħdin jinżammu l-istandards għolja tagħna.”

    Fl-isforz kontinwu tagħha biex ittejjeb l-esperjenza tal-klijenti, l-Air Malta mexxiet l-operat tagħha għas-Sala tat-Tluq Numru 1 tal-Ajruport Orly ta’ Pariġi. Is-Sala se toffri lill-passiġġieri tal-Air Malta atmosfera aħjar u aktar kumditajiet, inklużi diversi ħwienet u ristoranti. 

    Barra minn hekk, il-klijenti tal-klassi tal-Business u dawk kollha li għandhom id-Diamond Card tal-Air Malta se jkollhom aċċess ukoll għas-sala tal-VIPs, jiġifieri l-‘Premium Traveller Lounge’.

    It-tibdil tas-sala se jagħti lill-passiġġieri tal-Air Malta wkoll il-faċilità li jużaw il-pont biex jirkbu jew jinżlu mill-ajruplan. Il-linja tal-ajru għamlet ħilitha biex tkun tista’ toffri din il-faċilità lill-passiġġieri tagħha peress li din tiżgura aktar konvenjenza u kumdità.

    Il-faċiltajiet il-ġodda huma mistennija li jissodisfaw l-istandards tas-servizz tal-Air Malta, filwaqt li jiżguraw vjaġġ eċċezzjonali għall-klijenti tal-linja tal-ajru.