L-MIA b'ktar minn 150 tlugħ u nżul kuljum f'Ġunju … L-ewwel darba li nqabeż is-600,000 moviment ta' passiġġieri

    Ix-xhur tas-sajf qed ikomplu jkunu impenjattivi għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, bit-traffiku ta’ Ġunju jiżdied b’14.6% biex b’hekk laħaq is-663,088 moviment tal-passiġġieri, u medja ta’ 156 tlugħ u nżul ta’ ajruplani kuljum. Dan it-tkabbir fin-numru ta’ passiġġeri ġie osservat b’mod parallel ma’ żieda ta’ 15.1% fil-movimenti tal-ajruplani u żieda ta’ 14.4% fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet.

    Minkejja din iż-żieda sinifikanti fin-numru ta’ postijiet disponibbli, is-seat load factor (SLF) baqa’ dak ta’ 82.7%. Tkabbir b’żewġ ċifri ġie rrappurtat għal erbgħa mill-aqwa ħames swieq tal-ajruport: ir-Renju Unit (+14.6%), l-Italja (+18.9%), Franza (+17.8%) u Spanja (+49.1%). Il-Ġermanja kien l-uniku pajjiż minn fost dawn il-ħames swieq li rreġistra tnaqqis (-3.0%) fix-xahar ta’ Ġunju.

    Dan irriżulta minn skeda mnaqqsa mill-cruises TUI, li konsegwentement affettwat in-numru ta’ passiġġieri li għaddew mill-ajruport bħala parti mill-programm cruise and fly. Il-movimenti tal-passiġġieri lejn u mis-suq Spanjol żdiedu sostanzjalment wara l-introduzzjoni ta’ tliet rotot kompletament ġodda lejn Malaga, Sivilja u Bilbao, u frekwenza ta’ titjiriet imtejba lejn Barċellona bħala parti mill-iskeda tas-sajf tal-ajruport.