“Ħtieġa ta' riklamazzjoni tal-art mill-baħar”

    L-aġent tal-proprjetà Bader Ziena jisħaq li din tista' tkun għodda biex tissolva l-kwistjoni tal-proprjetà f'Malta…

    “Malta għandha l-akbar rata ta’ art mibnija fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Meta tara din ir-rata, wieħed għandu jikkonsidra li nibdew nużaw aktar art mill-baħar, kif għamlu numru ta’ pajjiżi barranin.” 

    Tenna dan Bader Zeina, aġent fis-settur tal-proprjetà li ilu attiv fis-suq għal għexieren ta’ snin. F’kumment dirett ma’ dan il-ġurnal, Zeina rrefera għall-istħarriġ maħruġ mill-Aġenzija Ewropea għall-Istatistika (Eurostat) matul is-sena li għaddiet, fejn wera li Malta kellha l-ikbar konċentrazzjoni ta’ art mibnija (dik ta’ 23%) fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

    “Din ir-rata hija waħda sinjifikanti ħafna. Għalhekk wieħed irid jara u jikkunsidra dak li għamlu pajjiżi oħra bħall-Ġappun. Dan il-pajjiż, li huwa arċipelagu mdawwar minn numru ta’ gżejjer, għal numru ta’ snin użaw skart irriċiklat, fosthom dak tal-kostruzzjoni, biex jirriklamaw l-art mill-baħar u jkabbaru l-ispazju, biex b’hekk ikunu jistgħu jespandu lilhom nfushom.”

    “Mhemmx bżonn li l-art riklamata tkun għall-bini”

    Din l-idea sabet l-appoġġ ukoll tal-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi (MDA), Sandro Chetcuti. Chetcuti tenna kif l-MDA “minn dejjem kienet favur li jsir studju biex jiġu mfittxija postijiet f’Malta fejn jista jkun hemm tkabbir ta’ art artifiċjali.”

    “Din l-art m’hemmx bżonn li tintuża għall-bini: Fil-fatt, numru ta’ pajjiżi kienu qegħdin joħolqu artificial reefs, li dan kapaċi isebbaħ ambjent sabiħ u joħolqu ambjent differenti. Ovjament, aħna bħal MDA favur li jsiru kull studju neċessarju, biex anke jiġu misjuba possibilitajiet differenti, anke per eżempju ħdejn il-Magħtab fejn il-baħar huwa aktar baxx, però ovjament l-istudju huma mportanti.” 

    NSO: Żieda fl-Indiċi tal-prezz tal-proprjetà

    Dan il-ġurnal saqsa għall-kummenti b’reazzjoni għall-aħħar statistika maħruġ mill-Uffiċċju Nazjonali tal-Istatisitka (NSO), li wera li l-Indiċi tal-Prezz tal-proprjetà matul l-ewwel kwart ta’ din is-sena laħaq 111.11, żieda tal-5.2% meta kkumparat mal-istess indiċi tas-sena li għaddiet (105.61).

     Din iż-żieda kienet waħda kostanti mal-indiċi ta’ Jannar tal-2017 (5.3%) u tal-2016 (5.2%), liema numri huma żidiet konsiderevoli minn dawk ta’ snin preċedenti (2.7% fl-2015, 1.6% fl-2014 u 1% fl-2013). L-istess sondaġġi juru kif l-ikbar żieda notevoli fis-suq tal-proprjetà kienet fis-suq tal-appartamenti (5.5%), filwaqt li dak tal-maisonettes (4.4%) wera żieda wkoll.

    “Hemm bżonn ta’ element ta’ monitoraġġ u regolamenti”

    Fuq dan il-punt, Zeina tenna kif id-daqs tal-proprjetajiet fuq is-suq matul is-snin inbidel ukoll: “Numru kbir ta’ proprjetajiet li qegħdin jinbnew bħalissa qegħdin ikunu żgħar ħafna, suffiċjenti biżżejjed forsi biex wieħed jorqod u jiekol, però mhix bl-ispazju tipiku ta’ djar tipika Maltija.”

    “Il-prijorità għal dan il-Gvern huwa li jeżamina s-sitwazzjoni għal dawk il-familji, li bħalissa qegħdin jgħixu f’postijiet tal-kiri: X’se jsir minnhom, speċjalment meta tikkonsidra s-sid aggressiv tal-kiri li għandna llum? Irid ikun hemm element ta’ monitoraġġ u regolamenti b’saħħithom, għaliex il-problemi li qegħdin naffaċċjaw bħalissa jistħgu biss jikbru.”