Alfred Sant: “L-instabbiltĂ  politika fir-Renju Unit ma tagħmel ġid lil ħadd”

    Alfred Sant: Bħala membru tal-UE, hu fl-interess ta' Malta li tinstab soluzzjoni xierqa malajr…

    Matul il-ġurnata tal-bieraħ, seħħew numru ta' riżenji fil-Kabinett tal-Prim Ministru Ingliż Theresa May. L-ewwel wieħed minn dawn kien David Davies, l-uffiċjal responsabbli għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, fejn fl-ittra għar-riżenja tiegħu rrefera għal differenzi irrikonċiljabbli ma' May. Ftit ta' siegħat wara, ftit wara li kien imħabbar is-suċċessur ta' Davies, kien imiss ir-riżenja tas-Segretarju għall-Affarijiet Barranin Boris Johnson, wieħed mill-proponenti prinċipali tal-Brexit waqt ir-referendum tal-2016. Bosta analisti jqisu dan l-iżvilupp bħala theddida għall-istabbiltà tal-Gvern ta’ May.

    Dan il-ġurnal saqsa l-opinjoni tal-Membru Ewro-Parlamentari Alfred Sant dwar x’konsegwenzi ħa jħallu dawn ir-riżenji. Sant spjega li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, May laqqgħet lill-ministri kollha u fi tmiem seduta twila ħabbret li fl-aħħar, kienu sabu pożizzjoni komuni, marbuta mal-proposta li bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea jkun hemm żona ta’ kummerċ ħieles għall-prodotti.

    “Ir-riżenja ta’ David Davies u ta' Boris Johnson uriet li dal-kompromess mhux aċċettabbli għal dawk li fil-Partit Konservattiv għadhom sodi fuq li "l-Brexit ifisser Brexit". Mhux kollha imma: il-Ministru Gove, li kien wieħed mill-protagonisti ta' favur il-Brexit, jidher li sa issa qed jarah bħala kompromess aċċettabbli.”

    Sant kompla jgħid li “l-instabbiltà politika fir-Renju Unit ma tagħmel ġid lil ħadd. Bħala membru tal-UE, hu fl-interess ta' Malta li malajr kemm jista' jkun tinstab soluzzjoni xierqa għal kif ir-Renju Unit se jitlaq għax l-instabbiltà, jew il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE bla ftehim, ikattru l-inċertezzi u jistgħu jimminaw it-tkabbir ekonomiku.”

    Sant spjega li n-negozjati dwar Brexit bejn ir-Renju Unit u l-UE ilhom f'diffikoltà. Raġuni ewlenija kienet li bejniethom il-ministri Ingliżi ma setgħux isibu soluzzjoni komuni għal kif riedu li jseħħ il-Brexit.

    “Min ried qtugħ kważi komplet mill-Ewropa; min ried li r-relazzjonijiet ekonomiċi jibqgħu mill-qrib. L-għażliet tekniċi kienu bejn xi forma ta' ftehim ta' assoċjazzjoni, bħalma ġie negozjat mal-Kanada, żona ta' kummerċ ħieles, għaqda doganali, sħubija fis-suq uniku (single market). Aktar ma tersaq lejn l-għażla tas-sħubija fis-single market, aktar kien ikun hemm vantaġġi ekonomiċi għar-Renju Unit fir-rigward tas-suq Ewropew, imma aktar ukoll jiżdiedu l-obbligi biex ir-Renju Unit josserva r-regoli tal-Unjoni.”

    Skont Sant, il-ministri ta' May ma setgħux jaqblu bejniethom dwar liem hi l-aħjar għażla u l-qagħda politika tal-Prim Ministru nnifisha kienet iddgħajfet wara li sejħet elezzjoni bikrija u kważi tilfitha.

    “Lil hinn mill-kwistjonijiet tekniċi, problema fondamentali għandha x'taqsam mal-Irlanda, fejn waslet il-paċi fl-Irlanda ta' Fuq mill-fatt li mar-Republika Irlandiża, is-sħubija fl-Unjoni Ewropea ppermettiet li jitneħħew il-kontrolli tal-fruntieri bejn iż-żewġ naħat u n-nies setgħet tiċċaqlaq bla xkiel minn naħa għall-oħra. Bir-Renju Unit barra l-UE, dil-ħaġa ma tistax isseħħ mingħajr ftehim speċjali, li jkollu jorbot mal-għażla ta' relazzjoni li ssir dwar ir-rabtiet futuri wara l-Brexit.”

    Il-mistoqsija, skont Sant, issa se tkun kemm mid-deputati Konservattivi se jsegwu l-linja ta' Davies u ta' Johnson, u jekk dawn humiex se jressqu vot ta' sfiduċja fil-gvern ta' May. “Jekk jiġri hekk, u l-vot jintrebaħ... jew anke jekk jintilef...  il-qagħda ssir aktar instabbli milli hi. Se jerġgħu jsiru elezzjonijiet ġenerali? X'se jiġri mill-problema Irlandiża? eċċ... Mistoqsijiet li ħadd ma jaf sa fejn se jwasslu t-tweġibiet għalihom, u dan waqt li riesaq lejn tmiemu ż-żmien li fih iż-żewġ naħat kellhom ilestu n-negozjati.”

    Sant sostna magħna li l-Ewropej jidhru magħquda, imam ma tistax tgħid kemm jibqgħu hekk jekk is-sitwazzjoni "teħżien". Ukoll, hemm konsenturi bejniethom li fl-aħħar bdew jidhru. Pereżempju il-ministru tal-intern Ġermaniż, Seehofer li diġà qala' l-gwaj lill-kanċellier Merkel fuq l-immigrazzjoni, kiteb ittra ta' protesta għax in-naħa tal-Unjoni Ewropea rrifjutat li tkompli bl-arranġamenti ta' koperazzjoni mill-qrib mal-Brittaniċi dwar materji ta' sigurtà. Scone Seehofer, dil-ħaġa ma tagħmilx sens quddiem it-theddida li għandha fuqha l-Ewropa tat-terroriżmu. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Juncker ċanfar lil Seehofer talli għamel din l-istqarrija.

    “Sadattant, il-ministru Awstrijakk tal-affarijiet barranin ħareġ jgħid li jekk hemm bżonn, il-limitu ta' żmien issettjat għan-negozjati jista' jittawwal fl-interess li il-Brexit jitwettaq bi ftehim raġonevoli,” temm jgħid.