Il-Kaptan Clifford Chetcuti maħtur Kap Eżekuttiv tal-Air Malta

    Il-kumpanija Air Malta ħabbret li l-Bord tad-Diretturi ħatar lill-Kaptan Clifford Chetcuti bħala Kap Eżekuttiv b’effett mill-1 ta’ Settembru 2018. Il-Kaptan Chetcuti se jkun qed jirrapporta liċ-Ċermen u lill-Bord tad-Diretturi.

    Huwa se juża l-kompetenza tiegħu biex jiffoka fuq it-titjib tal-effiċjenzi fl-istruttura organizzattiva tal-kumpanija u fl-immaġni tal-marka (brand image) tagħha, waqt li jiżgura li din tkun ippreparata biex tkun il-linja tal-ajru tal-Mediterran.

    Clifford Chetcuti se jkun qed jieħu post is-Sur Joseph Galea li kien ilu jokkupa l-kariga ta’ Aġent Kap Eżekuttiv tal-linja nazzjonali tal-ajru sa mill-2016.

    Fi stqarrija l-Air Malta qalet li l-Kaptan Chetcuti għandu esperjenza vasta fl-industrija tal-avjazzjoni, partikolament fl-in-flight operations, taħriġ u prattiki tal-avjazzjoni. Matul l-esperjenza tiegħu barra l-pajjiż huwa kien strumentali biex jiżviluppa b’suċċess żoni operattivi ma’ Emirates u Qatar Airways. 

    Is-Sur Chetcuti beda l-karriera tiegħu fl-avjazzjoni bħala cadet pilot mal-Air Malta fl-1987. Huwa temm it-taħriġ tiegħu fis-Servizz tat-Taħriġ tal-Ajru ġewwa Perth Scotland fejn hemmhekk irċieva l-premju bħala l-Pilota tas-Sena fl-1988.

    Huwa ngħaqad ma’ Emirates fl-1994 u kien promoss għal Kaptan fl-1999 fejn il-karriera tiegħu rat progress permezz ta’ diversi rwoli maniġerjali fi ħdan il-kumpanija. Huwa kien Kaptan fuq it-tijira inawgurali A380 ta’ Emirates minn Dubai għal New York f’Awwissu 2008. Fis-sena 2016 il-Kaptan Chetcuti ngħaqad ma’ Qatar Airways.