Il-BOV iniedi l-offerti tiegħu għall-istudenti għall-2018

    Tnieda l-pakkett tal-BOV Club għall-2018, imfassal speċifikament għall-istudenti li waslu biex jibdew l-edukazzjoni post-sekondarja jew terzjarja tagħhom. Dan jinkludi firxa wiesgħa ta’ benefiċċji għall-istudenti żgħażagħ.

    Meta tkellem dwar il-BOV Club, Geoffrey Ghigo, Head Branch Network fil-Bank of Valletta spjega li, “L-edukazzjoni post-sekondarja timmarka stadju kritiku għall-adolexxenti. Dawn mhux biss ikunu qed ikomplu bl-istudji tagħhom, imma ġeneralment anke jkunu qed jiftħu l-ewwel kont tal-bank tagħhom. Il-BOV Club huwa ddisinjat biex jagħmel dan il-pass wieħed sempliċi kemm jista’ jkun.” Fil-fatt, il-Pakkett BOV Club jinkludi kontijiet ta’ depożitu bażiċi kif ukoll soluzzjonijiet ta’ finanzjament li jgħinuhom ikomplu bl-istudji tagħhom jew biex jixtru l-ewwel karozza tagħhom. Huma jkunu ntitolati għal kopertura tal-assigurazzjoni mingħajr ħlas awtomatikament fiż-żewġ każijiet. “L-istudenti huma wkoll awtomatikament eliġibbli għal BOV Cashlink VISA Electron Card mingħajr ħlas kif ukoll għal BOV VISA Classic Card jew BOV Mastercard b’limitu ta’ kreditu ta’ EUR 500, li t-tariffa tagħhom tiġi rinunzjata għall-ewwel sena,” kompla s-Sur Ghigo. “Aħna inkludejna wkoll servizzi anċillari oħra li jissimplifikaw l-immaniġġjar tar-rekwiżiti bankarji ta’ dak li jkun, bħal notifiki bl-SMS mingħajr ħlas u s-servizz tal-BOV Mobile.”

    Kif sar komuni, l-istudenti jkunu qed jistennew bil-ħerqa r-rigali ta’ merħba marbuta mal-Pakkett tal-BOV Club. Din is-sena mhix differenti, hekk kif il-Bank qed jilqa’ lill-istudenti ġodda permezz ta’ vawċers mill-Agenda Bookshop, Darmanin Footwear, Gallarija Darmanin, Teamsport, Superdry, Topshop jew Topman. Alternattivament, wieħed jista’ jagħżel minn skontijiet kbar fuq Remington Professional Silk Straightener, Remington Durablade Trim-Shave-Style Trimmer, NutriBullet 600W Series, headphones wireless Boompods Retrobuds jew 1TB USB3 Rugged External Drive.

    L-istudenti kollha li japplikaw biex jissieħbu fil-BOV Club waqt li jkunu se jimxu minn istituzzjonijiet sekondarji għal dawk post-sekondarji jew minn istituzzjonijiet post-sekondarji għall-Università ta’ Malta, waqt li jkunu qed jistudjaw fuq bażi full-time huma eliġibbli għar-rigali ta’ merħba. Barra minn hekk, il-Bank nieda lotterija fost l-istudenti li jagħżlu li japplikaw għall-BOV Club minn fuq il-websajt: bov.com. Student jew studenta minnhom, li ismu jew isimha jintgħażel b’mod każwali fil-15 ta’ Frar 2019, se jintalab iwieġeb mistoqsija bbażata fuq il-ħila u, jekk it-tweġiba tkun korretta, huwa jew hija se jirċievi premju fi flus ta’ EUR 500.

    Kif qal is-Sur Ghigo, “Il-BOV Club huwa aktar minn pakkett finanzjarju. Aħna nqisuh bħala offerta introduttorja għaż-żgħażagħ, l-ewwel fergħa fir-relazzjoni ta’ ħidma fit-tul mal-Bank. Huwa wkoll il-pjattaforma li permezz tagħha huma jistgħu jinteraġixxu mal-Bank matul is-snin tal-istudju tagħhom.” Għal dan il-għan il-Bank għandu paġna ta’ Facebook iddedikata: https://www.facebook.com/bovclubmt/ kif ukoll portal għall-BOV Club: https://www.bov.com/bov-club li jiddeskrivi l-benefiċċji u l-karatteristiċi prinċipali tas-sħubija fil-BOV Club kif ukoll il-Mistoqsijiet Frekwenti relattivi*.

    It-tim tal-BOV Club ukoll għandu rwol importanti x’jaqdi. Għandu l-għan li jappoġġja lill-istudenti billi jwieġeb għall-mistoqsijiet tagħhom u jagħtihom id-dettalji kollha meħtieġa matul iż-żjarat li jagħmel f’diversi skejjel u istituzzjonijiet. Sadanittant rappreżentant tal-BOV Club se jkun preżenti f’kull fergħa biex joffri l-appoġġ, fejn meħtieġ.

    L-istudenti li jkunu interessati li jissieħbu fil-BOV Club jistgħu jitolbu aktar informazzjoni jew iniżżlu l-applikazzjoni minn fuq il-websajt: www.bov.com.