Pupi tal-plastik u mostri...

    Il-problemi fil-kamp tal-estetika, bħalma hi anke b’mod ġenerali fil-ħajja, hi meta persuna titlef il-blanċ u l-istess fil-każ ta’ persuni li jmorru fl-estremità u jitilfu l-kontroll ta’ kemm jagħmlu interventi tant li wħud għamlu ħafna operazzjonijiet estetiċi bil-konsegwenza li spiċċaw kriehu jew jidhru “tal-plastik”. 

    Ovvjament deċiżjonijiet bħal dawn huma kollha personali imma jekk persuna tesaġera f’ċerti interventi estetiċi tista’ tispiċċa b’riżultati xejn mixtieqa. 

    Hekk ġara f’diversi każi fejn atturi f’Hollywood u r-regular Joes fejn il-kilba għas-sbuħija wasslithom biex esaġeraw u minflok sbieħu, kriehu!

    Fost l-atturi popolari li esaġeraw bil-botox, peels u face lifts li ħallsu l-eluf u anke l-miljuni ta’ dollari u spiċċaw lanqas tagħrafhom insibu lil: 

    Amanda Lepore - Il-mudella transġender ta’ 44 sena għamlet għadd ta’ interventi biex tidher żagħżugħ li ġabuha tidher kerha u b’dehra totalment mhux naturali.

    Daryl Hannah - L-attriċi ta’ 51 sena li minkejja li tgħid li qatt m’għamlet inteventi estetiċi u li min jagħmilhom jidher mhux naturali, xofftejha u l-ħaddejn jidhru aktar “mimlijin”.

    Mickey Rourke - Dan huwa wieħed mill-ftit atturi f’Hollywood li jammetti li għamel il-kirurġija plastika. Huwa jsostni li mar għan “il-persuna żbaljata” biex jirranġalu l-ħsara li saritlu f’wiċċu fil-ġlied tal-boxing li kien jipparteċipa fih fis-snin 90.

    Personalitajiet televiżivi u atturi ta’ Hollywood oħra li esaġeraw bis-sbuħija estetika huma Michael Jackson li tant għamel operazzjonijiet li wiċċu kważi beda “jaqa”; Priscilla Presley li spiċċat b’wiċċha jidher minfuħ u tal-plastik; Melanie Griffith u Meg Ryan; l-attriċi ta’ “Dirty Dancing” Jennifer Grey li wara għamlet operazzjoni f’imnieħirha wiċċha nbidel kompletament; Courtney Love; l-attriċi Nikki Cox li fl-età ta’ 34 sena għamlet impjanti fil-ħaddejn u f’xofftejha; Donatella Versace li biddlet id-dehra tagħha drastikament f’dawn l-aħħar 10 snin; Lara Flynn Boyle; l-attriċi tas-soap opera Joan Van Ark li ħadmet f’”Dallas”; Joan Rivers li fost oħrajn għamlet facelift u operazzjonijiet biex tnaqqas il-ġilda f’għonqa u fil-kpiepel t’għajnejha; Kenny Rogers fejn stqarr li mhuwiex kuntent bir-riżultat li kiseb bl-intervent fil-kpiepel t’għajnejh; it-Taljana Michaela Romanini li kienet ikkonsidrata bħala l-aktar mara sabiħa fil-pajjiż u issa lanqas tingħaraf u Heidi Montag li hu rrapportat li għamlet 10 interventi estetiċi f’jum wieħed! 

    Ma nistgħux ma nsemmux lil Caitlyn Jenner, li kien żewġ Kris Kardashian u ex ċampjin tal-Olimpijadi li ħasad lil ħafna telespettaturi tas-serje “Keeping Up With The Kardashians” meta għamel diversi operazzjonijiet u interventi estetiċi biex fl-aħħar seta’ jsir il-mara li dejjem ħassu li kien.

    Karattri tal-pupi, super eroj u aljeni…

    Li l-atturi tal-Hollywood jipprovaw iżommu ruħhom u jberbqu kemxa flus għal dan il-għan wieħed jistenniha, iżda li xi persuni “normali” jaslu jiffissaw u anke jbiddlu d-dehra tagħhom biex jikkupjaw pupa jew super eroj u anke aljeni, hi ftit inkonċebibbli għal ħafna nies. 

    Għal dawn in-nies, li jinbidlu f’karattri tal-fantaxjenza hu l-mod kif jesprimu ruħhom u l-mod kif fl-opinjoni tagħhom jidhru ħafna aħjar. Il-biljunarja Jocelyn Wildenstein ta’ 77 sena tant kellha operazzjonijiet f’wiċċha li hi deskritta bħala l-felin uman… jiġifieri li wiċċha qisu ta’ qattus.

    Fost il-bidla drastika permezz ta’ inteventi estetiċi u kirurġiċi hemm nies li “inbiddlu” f’Superman, fil-pupu Ken, Spoke tas-serje “Star Trek” u aljeni. Il-mudella Pixee Fox sa wasslet biex neħħiet sitt kustilji biex qadda jiċkien mentri Natasha Crown qiegħda tipprova tikseb ir-rekord tal-akbar warrani fid-dinja. 

    Ċerta Bryan Ray għamlet atkar minn 90 operazzjoni biex tiġi tixbah lil Britney Spears mentri mara bl-isem ta’ Tiffany għamlet 13-il operazzjoni fi żmien qasir ta’ sena biex tiġi tixbah lil Ivanka Trump.