Titjib tat-toroq f’San Ġiljan qabel is-sajf

    Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u l-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg żaru x-xogħlijiet fit-toroq ta’ San Ġiljan u Paceville li bdew ftit tal-jiem ilu u li tlestew matul din il-ġimgħa. 

    Dawn ix-xogħlijiet jagħmlu parti minn pjan ta’ titjib f’diversi toroq f’żoni f’din il-lokalità, bl-għan finali li tittejjeb l-infrastruttura fiż-żona kummerċjali ta’ Paceville.

    Il-Ministru Konrad Mizzi qal li, “Iż-żoni turistiċi, fosthom dawk ta’ San Ġiljan u Paceville, huma prijorità għall-gvern. Wara diskussjonijiet li kellna ma’ diversi entitajiet, fosthom il-Malta Tourism Authority, l-MHRA u l-Foundation for Tourism Zones, fassalna pjan ta’ riġenerazzjoni għal dawn iż-żoni li jagħtu sehem importanti lill-ekonomija ta’ pajjizna hekk kif jilqgħu influss kbir ta’ nies fix-xhur tas-sajf. Wara x-xogħol ta’ tqedija ta’ ramel fil-bajja ta’ San Ġiljan kien imiss lit-toroq.  Dan huwa pjan li ser ikun qiegħed jiġi implimentat fuq medda ta’ sentejn u li ser iservi ta’ eżempju għal-żoni oħra turistiċi li għandna f’pajjiżna.”

    Il-Ministru Ian Borg saħaq li din il-ħidma hija biss il-bidu tax-xogħol li se tkun qed tagħmel Infrastructure Malta. Il-gvern ser ikun qiegħed jinvesti €700 miljun fit-toroq kollha ta’ Malta u Għawdex - Infrastructure Malta se tkun qed twettaq ix-xogħlijiet bi pjan li jinkludi proġetti ta’ skali differenti. “Il-ħidma tagħna ma ntemmitx mal-proġetti tal-Kappara Junction u tal-Coast Road u mhijiex se tissokkta mal-proġetti kbar bħall-Marsa Junction Project u s-Central Link Project. L-ambizzjoni tal-gvern—li nagħmlu t-toroq kollha ta’ pajjiżna—tibda u tkompli anke f’lokalitajiet bħal dawk ta’ Paceville u San Ġiljan li jilqgħu eluf ta’ turisti. Inħarsu ’l quddiem bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta sabiex inkomplu nestendu dawn ix-xogħlijiet f’lokalitajiet oħra sabiex pajjiżna jkollu l-infrastruttura li tixraqlu.”