Bormla tipprepara biex tfakkar il-75 sena mill-Pellegrinaġġ Nazzjonali

    Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija ta’ bejn l-1939 u l-1945, il-Vara Titulari u l-Kwadru  Inkurunat ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni flimkien ma’ bosta teżori oħra miżmumin b’għożża kbira fil-Parroċċa Kolleġġjata ta’ Bormla, ittieħdu f’Birkirkara biex dawn ikunu aktar fis-sigurtà billi ma’ kull ġurnata li bdiet tgħaddi, l-attakki ta’ l-għadu mill-ajru bdew jiżdiedu u jiħraxu. 

    Bormla tfarrket kollha minbarra xi ftit djar ’l hawn u ’l hemm. Is-sura tagħha kienet tbikkik. Jgħidu li madwar il-parroċċa biss xeħtu mhux inqas minn mitejn bomba. Waħda minn dawn il-bombi ħabtet mal-gwarniċ tal-kampnar tal-qanpiena l-kbira, ġarrfet għal kollox il-bini ta’ quddiem, mingħajr ma messet il-knisja. Fost dik il-ħerba kollha l-knisja parrokkjali baqgħet wieqfa; forsi b’miraklu tal-Verġni Marija. 

    Għalhekk, fi tmiem il-gwerra, il-Kapitlu kien iddeċieda li jagħmel pellegrinaġġ minn Birkirkara għal Bormla bil-kwadru u l-istatwa tal-Kunċizzjoni, b’radd il-ħajr għax it-tempju - santwarju ġie salvat mill-qerda tal-gwerra. Dan il-pellegrinaġġ sar nhar id-19 ta’ Novembru, 1944, u għadda mill-Ħamrun, il-Marsa u Raħal Ġdid. It-toroq kollha kienu litteralment fgati bin-nies. Tul il-Pellegrinaġġ ħadu sehem mill-inqas sittax-il banda, u kien hemm rappreżentanza xierqa tal-għaqdiet reliġjużi, soċjali u politiċi ta’ Malta. Dakinhar, tassew li Malta pubblikament u solennement tat xhieda ta’ qima u devozzjoni lejn Marija Immakulata.

    Is-sena d-dieħla timmarka il-75 Anniversarju minn dan il-Pellegrinaġġ Nazzjonali bħala ringrazzjament għax il-Knisja ta’ Bormla baqgħet wieqfa minkejja li tinsab viċin ħafna tat-tarzna, u għalhekk bix-xieraq l Bormla tfakkar dan l-avveniment storiku u reliġjuż mill-aktar importanti. Għal dan il-għan twaqqaf kumitat apposta biex jieħu ħsieb dawn il-festi u flimkien mal-Parroċċa ta’ Birkirkara qegħdin jaħdmu biex isiru festi speċjali fiż-żewġ lokalitajiet.

    Waħda mill-inizjattivi meħuda hija kompetizzjoni biex jingħażel il-logo ta’ dawn il-festi. Fiha qed issir sejħa għall-artisti Maltin biex jieħdu sehem f’kompetizzjoni li tagħlaq fit-12 ta’ Awwissu biex imbagħad is-Sibt 25 t’Awwissu, li jkun l-Ewwel Sibt tal-Kunċizzjoni f’Bormla, jitħabbar ir-rebbieħ. 

    Fil-logo jrid ikun hemm l-isem tat-tema magħżula - ‘Taħt Ħarstek Nistkennu’ u d-dati ‘1944 - 2019’. Id-disinn artistiku għandu jkun jinkorpora fih ir-rabta ta’ Bormla ma’ l-Immakulata Kunċizzjoni, ir-rabta bejn Bormla u Birkirkara kif ukoll ssir referenza artistika għall-Pellegrinaġġ u Bormla fit-Teni Gwerra Dinjija.

    Kull sottomissjoni ma tridx tkun iffirmata. Kull logo jiġi ġġudikat minn ġurija komposta minn rappreżentanti tal-paroċċi ta’ Bormla u Birkirkara kif ukoll artisti oħrajn imqabbdin mill-Kumitat. Kull sottomissjoni tkun tkun impenġiha daqs A3. L-ebda logo ma jista’ jiġi ppubblikat fuq siti soċjali. La darba jkun magħżul il-logo rebbieħ, il-Parroċċa ta’ Bormla jkollha kull dritt fuqu. Ir-rebbieħ jingħata premju ta’ €100 flimkien ma’ tifkira, waqt li l-parteċipanti kollha jingħataw tifkira ta’ l-okkażjoni.

    L-applikazzjonijiet flimkien mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-logo jistgħu jinġabru mis-Sagristija tal-Parroċċa ta’ Bormla.

    Intamt, permezz tat-tieni inizjattiva qed isir appell lil kull min għandu ritratti u filmati tal-avveniment tas-sena 1944, kif ukoll dawk tas-snin 1969 (meta kien sar Pellegrinagg ta’ tifkira f’għeluq il-25 sena) u ta’ l-1994 (eghluq il-50 Sena). Dawn huma mitluba li jew jgħaddu kopja tagħhom jew inkella jgħadduhom lill-kumitat, issir kopja u jerġgħu jingħataw lura. Il-ħsieb huwa li matul is-sena d-diehla ssir wirja b’dawn ir-riżorsi.