Żewġ Libjani u Malti akkużati bi traffikar ta' droga

    Żewġ Libjani u Malti, li kienu arrestati t-Tlieta wara sejba ta' 1.5 kilo sustanza allegatament kokaina u €63,000 fi flus kontati f'karozza fil-lokalità ta' Ħal Kirkop, tressqu fil-Qorti tal-Maġistrati fejn wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom.
     
    Boulqassim Khalleefah Aboulqassim Almigheerbi ta’ 32 sena mis-Swieqi, Annajar Osama Soleman ta' 30 sena minn Ħal Għargħur u Tristan Carl Pisani ta' 25 sena minn Ħal Tarxien, kienu mixlija li assoċjaw ruħhom ma’ persuni oħra biex ibigħu jew jittraffikaw id-droga u li kellhom fil-pussess tagħhom id-droga kokaina li nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tagħhom.
     
    Huma kienu mixlija wkoll li għamlu atti ta’ ħasil ta’ flus filwaqt li Tristan Kyle Pisani waħdu kien mixli li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina, kannabis u li sar reċediv. L-Ispettur Justyne Grech spjegat lill-Magistrat Claire Stafrace Zammit, li quddiemha tressqu it-tliet irġiel, kif il-Pulizija kienet waslitilhom informazzjoni dwar konsenja ta' droga fi Triq l-Industrija, Ħal Kirkop. Meta l-Pulizija marru fuq il-post innotaw vettura li fiha kien hemm it-tliet imputati. L-Ispettur Grech qalet li fil-karozza, li hi registrata f'isem il-mara ta' wieħed mill-imputati, instabu fuq in-naħa ta’ quddiem €63,000 fi flus kontanti mentri fuq in-naħa ta’ wara nstab basket li allegatament kien fih id-droga.
     
    L-Avukati Difensuri talbu li l-klijenti tagħhom jingħataw il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-gravità tar-reat. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Magistrat Stafrace Zammit tat il-ħelsien mill-arrest lil Tristan u lil Soleman fuq depozitu ta' €10,000 u garanzija personali ta' €20,000, mentri Almigheerbi ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta' €5,000 u garanzija personali ta' €25,000. L-imsemmija Maġistrat ordnat ukoll li jiġu ffriżati l-assi tat-tliet imputati. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Justyne Grech.
     
    Dr Franco Debono u Marion Camilleri dehru ghal Almigheerbi, Dr Edward Gatt u Veronique Dalli dehru ghal Soleman filwaqt li Dr Roberto Montalto deher ghal Tristan Carl Pisani.