"L-istati kollha tal-UE għandhom juru li huma kommessi li jindirizzaw is-sigurtà u d-drittijiet tal-immigranti"

    Iċ-Ċerpersin tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana Moussa Faki Mahamat, b’riferenza għal kwistjoni li nqalgħet bl-immigranti salvati mill-MV Aquarisu qal li “l-istati kollha tal-Unjoni Ewropea għandhom juru li  huma kommessi li jindirizzaw is-sigurtà u d-drittijiet tal-immigranti”.

    Hu feraħ lill-Gvern Spanjol għad-deċiżjoni li ħa biex jagħti port sigur li xejn inqas minn 600 immigrant fosthom nisa u tfal, liema immigranti spiċċaw f’nofs kontroversja wara li t-Taljani għalqu l-portijiet għall-immigranti.

    Qal li “immigranti li jkunu f’diffikultà, irrispettivament mill-oriġini tagħhom u mill-istatus legali tagħhom, jisħoqqilhom il-protezzjoni neċessarja taħt il-liġi internazzjonali.  L-Istati membri tal-Unjoni Ewropea għandhom juru li  huma kommessi li jindirizzaw is-sigurtà u d-drittijiet umani tal-immigranti kollha fil-fruntieri Ewropej, waqt li jaħdmu biex jindirizzaw il-kawżi li qed iwasslu għal immigrazzjoni”, iddikjara iċ-ċerpersin. 

    Qal ukoll li t-task force tal-Unjoni Afrikana  fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Ġnus Magħquda li l-għan tagħha hu li tindirizza l-problemi tal-Afrikani fil-Libja se tkompli taħdem mal-awtoritajiet Libjani biex jingħalqu iċ-ċentri ta’ detenzjoni fil-Libja  u biex jiżdiedu l-isforzi b iet jitkissru iċ-ċrieki ta’ traffikar uman fir-reġjun.  

    Il-Kummissjoni tal-Unjoni Afrika ħeġġet lill-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda biex  jimponi sanzjonijiet fuq sitt individwi li huma akkużati li qed imexxu traffikat uman fil-Libja.