"Malta mxiet sew fil-każ tal-immigranti"

    Il-President tal-Kummissjoni Ewropea (KE) Jean Claude Juncker informa lill-Prim Ministru Joseph Muscat li mill-analiżi li għamlu dwar il-każ-“Aquarius” jirriżulta li Malta mxiet mar-regoli internazzjonali.

    Juncker u Muscat tkellmu fuq it-telefon dwar il-każ fejn 629 immigrant abbord l-imsemmi vapur spiċċaw f'nofs kunflitt diplomatiku bejn Malta u l-Italja wara li ż-żewġ pajjiżi nsistew li ma jdaħħlux il-vapur fil-port tagħhom.

    Waqt it-telefonata, Muscat spjega lil Juncker ir-relazjoni bilaterali bejn Malta u l-Italja u esprima t-tama li dawn jerġgħu jkunu normali minkejja l-istqarrija inaċċettabbli ta' ministru Taljan.

    Il-President tal-KE u l-Prim Ministru Malti iddiskutew ukoll il-proposti tal-istess KE fuq l-immigrazzjoni u x'passi għandhom jittieħdu biex l-Ewropa tiffaċċjaha.