Il-GWU sodisfatta bl-aħħar żviluppi fl-HSBC

    Il-General Workers’ Union, bħala union rikonoxxuta fil-bank HSBC, tilqa’ b’sodisfazjon l-aħbar li l-bank se jibdel l-istrateġija tiegħu fil-mod kif iħares lejn l-opportunitajiet tat-tkabbir u jista’ jkun qed jikkunsidra li ma jirtirax minn Malta l-operazzjonijiet bankarji tiegħu. Il-ħaddiema tal-HSBC ta’ spiss jgħaddu minn inċertezzi rigward il-futur tal-bank jew xi dipartiment minn tiegħu. Minħabba l-fatt li l-HSBC huwa bank dinji u d-deċiżjonijiet ta’ din l-importanza jittieħdu barra minn xtutna, jagħmilha aktar diffiċli li wieħed janalizza hemmx spekulazzjoni jew le. 

    Is-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-GWU Charlie Galea stqarr li: “Huwa pożitiv li l-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-HSBC, John Flint, ħabbar li l-bank se jibdel l-istrateġija tiegħu kif iħares lejn l-opportunitajiet tat-tkabbir imsejħa ‘Return to Growth and Value Creation’.” Huwa qal li l-istrateġija addotata dan l-aħħar, taħt l-eks Kap Eżekuttiv Stuart Gulliver, kienet waħda li ċċekken l-operat f’diversi pajjiżi: “Waħda mir-raġunijiet kienet li l-Bank HSBC mhux biss kien immultat minħabba nuqqasijiet regolatorji, iżda wkoll minħabba tnaqqis fil-profiti. Malta kienet isemmiet bħala waħda minn dawk il-pajjiżi li l-bank kien se jirtira l-operazzjonijiet bankarji tiegħu.” 

     Għalkemm isem Malta ma ssemmietx f’din l-aħħar laqgħa mal-investituri f’Londra, wieħed jista jassumi li Malta tkun affetwata pożittivament wkoll minn din l-istrategija l-ġdida. Is-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi Charlie Galea jisħaq li l-GWU għaldaqstant qed tappella, biex għas-serħan il-moħħ, il-ħaddiema jingħataw assikurazjonijiet aktar tanġibli dwar il-ġejjieni tal-HSBC f’pajjiżna.