NICKELODEON TREASURE HUNT MALTA ħa ssir f’April 2019

    L-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, flimkien ma’ Viacom Velocity International, għadhom kemm iffirmaw ftehim sabiex tinħoloq l-ewwel Nickelodeon ‘tourism franchise’: Nickelodeon Treasure Hunt Malta. Viacom Velocity International hija l-aġenzija ta’ riklamar u organizzar ta’ avvenimenti tad-ditta ġiganteska Viacom Internattional Media Networks (VIMN). It-treasure hunt se ssir bejn it-13 u t-18 ta’ April 2019, bl-għan ewlieni li ġġib familji lejn Malta fil-btajjel tal-Għid. 

    Dan il-ftehim kienet iffirmata l-uffiċċju tal-Ministeru tat-Turiżmu fil-Belt Valletta, fil-preżenza tal-medja miġbura, li umbagħad ġew indirizzati mil-Ministru għat-Turiżmu, Dr. Konrad Mizzi, il-President u inkarigat mill-marketing kreattiv ma’ Viacom Velocity International, Russell Samuel u l-President tal-MHRA, Tony Zahra.

    Nickelodeon Treasure Hunt Malta se toħloq esperjeni esklussivi bi premijiet, f’postijiet magħżula madwar il-gżejjer Maltin. L-attivitajiet se jinkludu tfittxija għal SpongeBob SquarePants u sħabu fl-Akwarju Internazzjonali, tagħlim permezz tal-ġriewi simpatiċi ta’ PAW Patrol fiċ-ċentru Esplora, lezzjonijiet fuq tema ta’ storja flimkien ma’ Nella the Princess Knight fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, u mawra sas-suq tal-Belt flimkien mat-Teenage Mutant Ninja Turtles, li tant iħobbu l-pizza!

    Apparti dawn l-esperjenza mal-karattri ta’ Nickelodeon, se jkun hemm attrazzjonijiet oħra, fosthom eżebizzjonijiet teatrali fi Pjazza Teatru Rjal tul it-tmiem il-ġimgħa tal-ftuh tal-avvenimenti. Se jkun hemm sfidi mhux tas-soltu u spettakli mużikali għall-familja kollha. Dan minbarra eżebizzjoni ‘multi-media’ flimkien ma’ workshop, li se jkun miftuħ tul il-ġimgħa fil-Kavallier ta’ San Ġakbu. Qofol sabiħ jintlaħaq permezz ta’ parata bi stil karnivalesk fil-Belt Valletta. 

    Tony Zahra, il-President tal-MHRA qal li inizjattiva bħal din huwa pass importanti għal-Gżejjer Maltin biex nattiraw familji jiġu Malta, partikolament barra mill-perjodu tas-sajf u li l-MHRA tagħti l-appoġġ tagħha lil dan l-avveniment.

    Russell Samuel, Viċi President u inkarigat mill-marketing kreattiv ma’ Viacom Velocity International, irrimarka li Malta għandha appell qawwi. Irrefera għax-xemx, il-baħar u il-kultura, li tul dawn l-aħħar ħdax-il sena kienu fatturi ewlenin li wasslu biex l-istess kumpanija tattira żgħażagħ lejn l-Isle of MTV Malta. Dan għen biex it-turiżmu żgħażugħ lejn Malta żdied b’120% u issa jfisser 25% mit-turiżmu kollu li jiġi Malta. Is-sur Samuel stqarr li issa huwa ż-żmien li l-valur u potenzjal tal-gżejjer Maltin ikomplu jitjiebu, billi dak li kapaċi joffru jingħaqad mat-talent u l-esperjenza ta’ Nickelodeon. 

    F’kummenti mogħtija wara t-tħabbira ta’ dan l-avveniment, Dr. Gavin Gulia, ic-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, esprima sodisfazzjon għall-mod li bih il-gżejjer Maltin se jkunu qed jingħataw prominenza. Spjega li l-franchise se tkun promossa b’mod b’saħħtu tul in-network vasta ta’ Nickelodeon, li hija waħda mill-ikbar ditti ta’ divertiment għat-tfal u familji. Infatti, Nickelodeon għandu aktar minn 1.2 biljun persuna msieħba miegħu, f’aktar minn 500 miljun residenza, f’170 pajjiż. 

    Dr. Konrad Mizzi, il-Ministru għat-Turiżmu, stqarr li parti mill-istrateġija tal-Gvern hija li tiżviluppa avvenimenti u attivitajiet għall-familji u t-tfal. Qal li din hija niċċa importanti ħafna għal Malta, u għalhekk il-Gvern huwa kommess li jieħu l-passi li jmiss. Il-Ministru temm jawgura li tfal u familji Maltin u Għawdxin igawdu l-avvenimenti li Nickelodeon se jorganizzaw hawn Malta waqt il-vaganzi tal-Għid li ġej.