Donald Trump u Kim Jong-un “rebbieħa”

    L-eks Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella jikkummenta dwar il-laqgħa storika bejn iż-żewġ mexxejja f’Singapore

    Il-laqgħa bejn il-President Amerikan Donald Trump u l-mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-un kienet waħda storika għall-fatt li din kienet l-ewwel darba li President Amerikan iltaqa’ ma’ mexxej mill-Korea ta’ Fuq. Wara diversi xhur ta’ biża’ fid-dinja minħabba theddid bejn iż-żewġ mexxeja fil-konfront ta’ xulxin ilbieraħ dawn iltaqgħu f’summit storiku f’Singapore fejn iffirmaw dokument ta’ ftehim li fost oħrajn bosta esperti qed jisħqu li għandu jwassal għad-denuklearizzazzjoni tal-Korea ta’ Fuq. 

    Dwar it-tifsira ta’ din il-laqgħa, dan is-sit ħa l-kummenti tal-eks Ministri għall-Affarijiet Barranin George Vella u Tonio Borg, kif ukoll tal-espert fir-relazzjonijiet internazzjonali l-Professur Stephen Calleja.

    Dr George Vella sostna li l-fatt li l-President Amerikan u l-mexxej tal-Korea ta’ Fuq iltaqgħu diġa’ huwa biżżejjed u saħaq li l-approċċ li wassal biex dawn jiltaqgħu kienet xi ħaġa li ħadd ma kien jimmaġinaha sena ilu.

    “Il-fatt li hemm linja ta’ komunikazzjoni diretta bejn iż-żewġ mexxeja minnha nfisha hi importanti. It-tnejn huma rebbieħa. Donald Trump, minkejja l-istramberiji tiegħu, huwa l-ewwel mexxej Amerikan li ltaqa’ ma’ mexxej mill-Korea ta’ Fuq. Min-naħa l-oħra, Kim Jong-un għolla kemm felaħ il-profil tiegħu u ta’ pajjiżu. Għamel ukoll rebħa politika f’pajjiżu. Issa sta għalih kemm juża din is-sitwazzjoni ġdida biex jutilizzaha għall-paċi bejn il-Korea ta’ Fuq u l-Korea ta’ Isfel u kif se jsarrafha fi ftuħ ta’ pajjiżu għad-dinja ta’ barra,” qalilna l-eks Ministru għall-Affarijiet Barranin Dr George Vella.

    Dr Tonio Borg: Wara s-summit id-dinja hi post iktar sigur

    Min-naħa tiegħu, Dr Tonio Borg sostna li, “hawn min qiegħed iqabbel din il-laqgħa ma' dik li Nixon għamel fl-1972 fiċ-Ċina. Żewġ pajjiżi għedewwa li f’daqqa waħda jiltaqgħu biex jaraw jistgħux jgħixu u jimxu flimkien. Anki din id-darba, kien President li bħal Nixon hu konservattiv u anti-komunista aħrax li ħa l-ewwel pass. Jidher mal-ewwel daqqa ta’ għajn li s-Summit irnexxa; iktar u iktar jekk hemm l-impenn li r-reġjun Korean kollu jiġi denuklearizzat; iżda għadu kmieni wisq. Żgur li d-dinja wara dan is-summit hi post iktar sigur.”

    Prof. Stephen Calleja: Dan hu mument pożittiv ħafna

    Prof. Stephen Calleja fisser il-laqgħa ta’ bejn iż-żewġ mexxeja bħala mument storiku fis-sens li “meta għandek sitwazzjoni fid-dinja li ilha għaddeja ‘l fuq minn 60 sena u issa qed naraw xeni ta’ bidu ta’ ħbiberija ġdida li qatt ma rajna bħalhom qabel, dan hu mument pożittiv ħafna.”

    Kompla jgħid li rridu niftakru li l-kwistjoni ewlenija kienet li l-Korea ta’ Fuq minn dejjem kienet qed tipprova tiżviluppa l-armi nukleari u l-fatt li baqgħu f’din it-triq kienet qed tqajjem ħafna tensjoni u kien hemm it-theddida li jista’ jsir xi attakk.

    “Il-laqgħa ta’ bejniethom kienet de-escalation sħiħa tas-sitwazzjoni li wieħed irid japprezzaha fil-kuntest tagħha għax sintendi wieħed ikun irid jara żviluppi malajr imma trid tqis li dan hu shift kbir fid-direzzjoni t-tajba għall-ewwel darba u li huwa proċess li jieħu ż-żmien,” spjega l-Prof. Calleja.

    Enfasizza li, “rridu napprezzaw li għall-kuntrarju ta’ dak li forsi ħafna jaħsbu u speċjalment minħabba l-inċertezza fid-dinja f’ħafna reġjuni, li meta inti lest illi tinvesti fid-diplomazija u tagħmel sforz kbir fiha, tista’ tagħmel passi pożittivi għall-kuntrarju ta’ dawk li xi kultant jikkritikaw.”

    “Trid tkun lest li tkun kredibbli u kommess fi kwalunkwe sens pereżempju tagħmel sanzjonijiet u jekk hemm bżonn turi li inti lest tuża l-forza militari b’xi mod u hekk għamel Donald Trump fil-każ tal-Korea ta’ Fuq, mhux bħala bluff imma turi li inti serju u tixtieq tara bidla fis-sitwazzjoni li f’din il-kwistjoni ilha għaddejja ħafna snin.”

    Huwa ddeskriva lill-President Amerikan Donald Trump bħala bniedem realist u kredibbli ħafna, li ma joqgħodx idur mal-lewża imma jmur mal-ewwel fuq il-kwistjoni u jsolvi l-problemi.

    Dwar il-mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-un, tenna li “dan hu bniedem li kapaċi joqgħod bilqegħda mal-mejda, jiddiskuti u jinnegozja l-futur ta’ pajjiżu fl-interess tan-nies tiegħu stess kif ukoll li mhux marbut mal-imgħoddi iżda japprezza li s-sitwazzjoni fid-dinja madwaru qed tinbidel ħafna.”