"Kien bniedem bil-għatx għall-kisbiet"... Nadur Youngsters jibku t-telfa tad-difensur Sandro Muller

    It-tim ta’ Nadur Youngsters u diversi attivisti tal-klabb dalgħodu qamu xxukkjati għall-aħbar tat-telfa tad-difensur Brażiljan Sandro Muller li tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku f’pajjiżu stess.

    F’kitba qasira ta’ ringrazzjament fuq il-paġna tal-klabb intqal li din it-telfa tfisser aktar minn telfa ta’ plejer ta’ potenzjal, tfisser it-telfa ta’ ħabib u persuna speċjali.

    Intant fuq il-profil tal-vittma ma naqsux dawk li fakkru l-memorja tiegħu, b’diversi jikkumentaw dwar id-dedikazzjoni tal-istess Muller u dwar il-ħidma tiegħu biex ikun jista’ jesponi t-talenti tiegħu kemm fl-isport kif ukoll f’talenti oħra li huwa kellu.

    Kumment li spikka qalb id-diversi li nxterdu fl-aħħar sigħat kien dak li jfakkar l-għatx ta’ Muller biex jilħaq l-ambizzjonijiet tiegħu, b’serjetà waqt it-taħriġ u impenn kontinwu.