Ġurnata storika għall-paċi fid-dinja

    Il-President Amerikan Donald Trump bi kliem ta’ tifħir għal dak li ġie miftiehem fis-summit bejnu u bejn il-mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-un

    Il-President Amerikan Do­­­nald Trump qal li d-diskussjonijiet storiċi li huwa kellu mal-mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-un ilbieraħ spiċċaw fi qbil li huwa ddeskrivih bħala wieħed fuq skala kbira.

    Id-dokument iffirmat jinkludi wegħda minn Kim li jneħħi l-armi nukleari kollha li għandu. L-affarijiet komplew isiru iktar interessanti meta waqt konferenza tal-aħ­barijiet quddiem il-ġurnalisti, Trump żvela xi punti li ma kinux imniżżlin fid-dokument finali li tqassam lill-ġu­rnalisti.

    Fost wieħed mill-iktar punti li ġibed l-attenzjoni tal-midja kien meta Trump qal li huwa jixtieq li waqqaf l-eżerċizzji militari konġunti li jsiru bejn il-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti tal-Amerika. Bosta kien dawk l-analisti internazzjonali li qalu li din kienet xi forma ta’ konċessjoni min-naħa ta’ Trump.

    Dan is-summit kien ta­bilħaqq wieħed storiku hekk kif din kienet l-ewwel darba li President Amerikan fil-ka­riga jiltaqa’ mal-mexxej tal-Ko­rea ta’ Fuq. Dan kien summit li sa ftit tax-xhur ilu ħadd ma kien qed joħlom li jista’ jitwettaq, l-aktar meta wieħed jiftakar fl-attakki insulenti li ż-żewġ mexxejja kienu għaddew fil-konfront ta’ xulxin. Il-konfrontazzjoni ta’ bejniethom kienet eskalat b’mod kbir u perikoluż ħafna minħabba li l-Korea ta’ Fuq kompliet twebbes rasha bit-testijiet nukleari minkejja twissijiet kontinwi mill-Istati Uniti u mill-komunità internazzjonali.

    Dan kien summit li ġab ħafna pożittiv liż-żewġ mex­xejja kif ukoll ħoloq ċertu riskji.

    Minn għajnejn il-Korea ta’ Fuq dan is-summit qiegħed jiġi meqjus bħala mod kif dan il-pajjiż ikabbar ir-rilevanza tiegħu fil-fora internazzjonali, l-aktar meta wieħed jiftakar kif dan il-pajjiż huwa tista’ tgħid maqtugħ mill-bqija tad-dinja. Min-naħa l-oħra, apparti l-ħidma favur il-paċi, Trump qiegħed jara dan is-summit ukoll bħala mod kif ikompli jsaħħaħ l-amministrazzjoni tiegħu minħabba li jekk dan il-ftehim jirnexxi tassew, Trump ikun dak il-persuna li għamel xi ħaġa effettiva fil-konfront tal-Korea ta’ Fuq, meta l-mexxejja ta’ qablu fallew kollha.

    Kif wieħed kien jistenna, u kif qal Trump stess fil-konferenza li saret ftit wara t-tmiem tas-summit, il-punt prinċipali kien id-diżarmament nukleari u t-tnaqqis tat-tensjoni.

    Il-ftehim iffirmat jgħid li ż-żewġ pajjiżi għandhom jikkoperaw u jaħdmu lejn “relazzjonijiet ġodda”, fil-waqt li l-Istati Uniti tipprovidi “garanziji ta’ sigurtà” lill-Korea ta’ Fuq.

    Dwar l-armi nukleari, Kim irrijafferma l-impenn b’saħħ­tu tiegħu biex ikompli jaħ­dem bis-sħiħ fuq denukarizzazzjoni sħiħa fil-pe­niżola Koreana. Dwar dan kien hemm għadd ta’ osservaturi u analisti li qalu li d-dokument jonqos milli joffri sustanza, speċjalment dwar il-mod ta’ kif se sseħħ din id-denukarizzazzjoni.

    Donald Trump, meta tkellem fit-tul mal-ġurnalisti, qal:

    L-Istati Uniti se twaqqaf il-“provokazzjoni” tal-logħ­ob tal-gwerra li hija tagħmel fil-Korea t’Isfel (referenza għat-taħriġ militari ma’ Seoul imsemmi iktar kmieni). Trump qal li huwa jix­tieq ferm li jara t-tneħħija tat-trup­pi Amerikani mill-Ko­rea t’Isfel. Dwar dan kelliemi għall-forzi Amerikani, meta mistoqsi minn midja internazzjonali, qal li huma għadhom ma ngħataw l-ebda ordni.

    Dwar id-denukarizzazzjoni Trump qal li Kim qabel li jkun hemm “verifikazzjoni” li verament din il-ħaġa qiegħda sseħħ. Din kienet fuq quddiem nett fit-talbiet li għamlet l-Istati Uniti.

    Trump qal li Kim qabel ukoll li jeqred għalkollox sit ta’ ttestjar tal-missile engine.

    Finalment Trump iċċara li s-sanzjonijiet għadhom fis-seħħ u se jibqgħu fis-seħħ għalissa. Huwa qal li “ma ċedejna xejn.”

    Uħud mill-ħafna ġurnalisti preżenti staqsew lil Trump dwar jekk huwa qajjimx il-kw­istjoni tad-drittijiet umani fil-Korea ta’ Fuq waqt il-laqgħa li kellu ma’ Kim. Kim imexxi reġim li huwa totalitarju, li għandu ċensura estrema kif ukoll anke kampijiet tax-xogħol sfurzat, xi ħaġa li fil-passat Trump kien ikkritika. Min-naħa tiegħu l-President Amerikan qal li huwa tkellem dwar din il-kwistjoni, għalkemm il-punt prinċipali tas-summit kien id-denukarizzazzjoni

    Wieħed jista’ jgħid li r-reazzjonijiet għal dan is-su­mmit kienu fil-maġġoranza tagħhom pożittivi.

    Il-President tal-Korea t’Isfel Moon Jae-in, li aktar kmieni din is-sena wkoll kellu laqgħa ma’ Kim Jong-un, qal li, “iż-żewġ Korej u l-Istati Uniti se jiktbu l-istorja għall-paċi u l-koperazzjoni.” 

    Iċ-Ċina, li hija l-unika alleat diplomatiku u kummerċjali tal-Korea ta’ Fuq,  qalet li s-summit tal-bieraħ ħoloq “storja ġdida”. Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ċiniż qal li saħansitra s-sanzjonijiet jistgħu jiġu mtaffijin xi ftit jekk Pyongyang tonora r-riżoluzzjoni­jiet tan-Nazzjonijiet Uniti.

    Il-Prim Ministru Ġappuniż Shinzo Abe faħħar it-tmexxija u l-isforzi li qed jagħmel il-President Trump. Huwa ddeskriva dawn il-passi lejn denukarizzazzjoni bħala “pass dejjem eqreb biex jiġu solvuti kwistjonijiet li hemm imdawrin mal-Korea ta’ Fuq”.

    Min-naħa tagħha r-Russja wissiet li wieħed għandu janalizza d-dettalji kollha, filwaqt li l-Iran qal li l-Korea ta’ Fuq qatt m’għandha tafda lill-Istati Uniti. Donald Trump reċentament ħareġ lill-Istati Uniti mill-ftehim nukleari mal-Iran.