L-Ewropa kontra l-Italja fuq l-“Aquarius”… sadanittant vapuri Taljani jieħdu mal-500 mis-629 biex iwassluhom lejn Spanja fi tliet gruppi

    Għalkemm Spanja iddeċidiet li tilqa' għandha s-629 immigrant f'nofs il-kunflitt diplomatiku bejn Malta u l-Italja, il-kontroversja dwar dan il-każ ma battietx bl-Italja tispiċċa fil-mira tal-kritika li jkompli juri kemm pajjiżna kellu raġun fil-pożizzjoni li ħa.

    Il-kritika fil-konfront tal-Gvern Taljan waslet minn diversi nħawi fl-Ewropa fosthom l-istess Spanja fejn l-Ministru tal-Ġustizzja Dolores Delgado irrimarkat kif l-Italja qed tirriskja li tiġi immultata talli żammet il-portijiet tagħha magħluqa għall-bastiment “Aquarius”.

    Anke l-ikbar partit Franċiż, La Republique En Marche, ikkundanna l-Italja bil-kelliem tiegħu Gabriel Attal jiddeskrivi l-pożizzjoni meħuda mill-Ministru għall-Intern tal-Italja Matteo Salvini bħala waħda “ta' tqalligħ”.

    Is-Soċjalisti Ewropej ukoll ħaduha kontra Salvini fejn iddeskrivewh bħala “persuna fqira” talli għalaq il-bibien tal-pajjiż għal tant nisa tqal u tfal abbord l-imsemmi bastiment.

    Għalkemm fl-Italja kien hemm ħafna appoġġjaw il-pożizzjoni tal-Gvern Taljan, oħrajn ikkritikawh fosthom il-kittieb magħruf Roberto Saviano li iddeskriva lil Salvini u lill-ministru responsabbli mit-trasport Danilo Toninelli bħala “kriminali” talli ħallew l-immigranti bejn sema u ilma.

    Numru ta' membri parlamentari Ewropej qed jappellaw ukoll lill-mexxejja Ewropej biex fis-summit tat-28 u 29 ta' Ġunju li ġej joħorġu b'soluzzjonijiet ġenwini biex jindirizzaw il-kriżi fl-immigrazzjoni.

    Huma iddeskrivew ukoll bħala “tal-mistħija” u “skandlu” id-deċiżjoni tal-Italja li tagħlaq il-portijiet tagħha għall-imsemmi bastiment.

    Min-naħa tiegħu, il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani irrimarka li l-kwistjoni tal-immigrazzjoni hija strateġika għax minħabba fiha qed tirriskja l-UE.

    Immigranti fuq l-“Aquarius” trasferiti fuq żewġ vapuri

    Matul il-ġurnata tat-Tlieta bdiet l-operazzjoni li fiha madwar 500 immigrant abbord l-“Aquarius” bdew jiġu trasferiti fuq żewġ bastimenti Taljani ħalli flimkien ma' dawk li se jibqgħu fuq il-vapur jibdew il-vjaġġ ta' madwar 1,400 lejn il-port ta' Valencia.

    Iż-żewġ għaqdiet responsabbli mill-vapur, Medicenes Sans Frontiers (MSF) u l-SOS Mediterranean, urew tħassib li minħabba maltemp fuq il-baħar dan seta jipperikola l-vapur peress li huwa stmat li qed iġorr iktar milli jiflaħ.

    Fil-fatt iż-żewġ għaqdiet baqgħu jinsistu li idealment l-immigranti kellhom jitniżżlu fl-eqreb port, jiġifieri l-Italja jew Malta, biex ma jkollhomx jagħmlu l-vjaġġ twil lejn Spanja.

    Għalkemm kemm Malta kif ukoll l-Italja bagħtu provvisti biex isostnu lill-immigranti għal dan il-vjaġġ, l-ikbar tħassib taż-żewġ għaqdiet huwa l-kundizzjonijiet ta' wħud mill-immigranti l-iktar is-seba' nisa tqal, il-15-il persuna li qed ibatu minn ħruq u l-134 tifel u tifla abbord fosthom trabi li twieldu waqt il-vjaġġ fil-Mediterran.

    Is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni tibqa' delikata

    Għalkemm iċ-ċifri tal-Frontex juru li fl-ewwel xhur ta' din is-sena l-immigranti li jaqsmu l-parti ċentrali tal-baħar Mediterran naqsu meta mqabbla mas-sena ta' qabel, il-każ tal-bastiment “Aquarius” juri kemm is-sitwazzjoni għadha delikata.

    Minkejja li l-Italja irrifjutat li tieħu s-629 immigrant abbord, il-fatt li llum mistenni jidħol Sqallija vapur b'madwar 900 immigrant ieħor miġburin mill-qawwa navali Taljana jikkonferma kemm ir-rotta bejn l-Afrika u l-Ewropa Ċentrali għadha tattira vjaġġi.

    Il-ġlied li għadu għaddej fil-Libja qed ikompli jagħmel is-sitwazzjoni waħda inċerta li minnha l-iktar nies li qed igawdu huma t-traffikanti tal-bnedmin li komplew isiru sinjuri minn fuq dahar l-immigranti iddisprati li jħallu pajjiżhom.

    Minbarra hekk anke l-NGOs li jgħinu lill-immigranti fuq il-baħar spiċċaw fil-mira tal-kritika fejn mhux biss qed ilaqtuha minn pajjiżi bħall-Italja imma anke mill-gwardja kostali Libjana li fl-aħħar snin akkużathom b'kompliċita fit-traffikar għax qed tiġborhom minn fuq id-dgħajjes.

    L-aħħar statistika tal-Frontex, l-aġenzija tal-UE fuq il-fruntiera tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari, turi li f'April li għadda qasmu 10,500 immigrant lejn l-UE.

    Fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena, in-numru ta' immigranti li qasmu b'mod irregolari niżel b'44% bil-Frontex tattribwixxi dan għat-tnaqqis fl-immigrazzjoni mill-parti ċentrali tal-Mediterran.

    L-istatistika tagħha turi li n-numru ta' immigranti li waslu l-Italja f'April niżel  bi 78% minn April ta' snea ilu. In-numru ta' immigranti li għaddew miċ-ċentru tal-Mediterran fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena niżel għal madwar 9,400.

    Naqas ukoll in-numru ta' immigranti li f'April daħlu fl-Ewropa min-naħa tal-Lvant tal-Mediterran. B'kollox kienu 6,700 li daħlu fl-UE minn dik il-parti tal-Mediterran, 92% aktar mill-istess perjodu tas-sena li għaddiet.

    Iż-żieda kienet attribwibbli għal dik fil-vjaġġi illegali li qasmu mit-Turkija fejn bosta Sirjani u Iraqqini daħlu mill-inħawi tat-Turkija.

    Il-Frontex irreġistrat ukoll żieda fl-immigranti li daħlu fl-UE min-naħa tal-Punent tal-Mediterran jiġifieri mill-inħawi ta' Spanja. F'April dawk li daħlu f'dan il-pajjiż żdiedu b'1,100, kwart aktar minn April ta' sena ilu.

    Fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena kien hemm 4,600 immigrant li qasmu fuq din ir-rotta, 9% aktar minn dawk li għamlu l-istess vjaġġ fl-ewwel erba' xhur tal-2017.

    L-ikbar ammont ta' immigranti li daħlu Spanja ġew mill-Marokk segwiti minn dawk mill-Guinea u l-Mali.

    Skont il-Missing Migrants Projects, din is-sena kienu 792 l-immigranti li mietu waqt li kienu qed jaqsmu l-Mediterran mill-1,417 mewt totali ta' immigranti madwar id-dinja kollha.