Tazza tad-Dinja tal-Isparar: Il-Finlandiża Numella tirbaħ id-deheb fit-Trap

    Fit-tieni ġurnata ta’ kwalifikazzjoni tal-kompetizzjoni tat-Trap tan-Nisa fit-Tazza tad-Dinja tal-ISSF, it-tiratriċi żagħżugħa Mikaela Galea reġgħet kienet fl-azzjoni fejn wara li nhar it-Tnejn laqtet 21, 18 u 19-il plattina, għal total ta’ 58, il-bieraħ laqtet 23 plattina waqt li iktar tard laqtet 18-il plattina għal total ta’ 99 minn 125.

    Il-midalja tad-deheb intrebħet mill-Finlandiża, Satu Makela Numella, meta laqtet 118 minn 125. Hija kienet segwita mill-Ġermaniża Katrin Quooss (117/125) u r-Russa Ekaterina Rabaya (116/125).

    Sadanittant, fl-ewwel ġurnata tal-kompetizzjoni tat-Trap, it-tiratur Malti Brian Galea beda bi straight fantastiku ta’ 25 minn 25 plattina segwit minn 23 oħra fejn kiseb is-sitt post wara li erba’ tiraturi laqtu 49 plattina minn 50.

    Ir-rekord tal-Maltin l-oħra kien: William Chetcuti laqat 22 u 21 plattina għal total ta’ 43/50;  Mario Buhagiar laqat 22 u 19 plattina għal total ta’ 41/50; Gianluca Chetcuti laqat 20 u 22 għal total  ta’ 42/50; Nazzareno Attard laqat 17 u 22 plattina għal total ta’ 39/50.