Il-Gvern b'salvauomo għal 20 każin tal-banda

    Għoxrin każin tal-banda li jinsabu fir-riskju li jitkeċċew mill-post mikri lilhom se jiġu mgħejjuna mill-Gvern biex jibqgħu fil-post bil-kundizzjoni li jħallsu kera ogħla lil sid il-binja.
    Dan permezz ta' liġi ġdida li permezz tagħha l-kera se tiġi multiplikata għal 10 darbiet u jekk tiġi €5,000 jew inqas iħallsu dan l-ammont fis-sena imma jekk tiġi ogħla jridu jħallsu sa 1% tal-valur tal-proprjeta.

    Għalkemm il-liġi hija maħsuba għal dawk is-soċjetajiet mużikali u każini tal-banda li ilhom eżistenti 50 sena jew aktar, il-Ministru Owen Bonnici lest li jibdel kemm il-perjodu ta' kemm ilhom jeżistu l-każini u anke l-ammont minimu.

    Il-liġi li qed jippreżenta l-Gvern taħseb ukoll għal dawk li jinsabu f'postijiet mikrijin lilhom skont il-liġi tal-1959 li mbagħad ġie emendata fl-1979.

    Permezz tal-liġi ġdida kif proposta, il-kera se ssir sa 2% tal-valur tal-proprjeta. Jekk l-inkwilini ma jkollhomx mezzi jikkwalifikaw għal din il-liġi imma jekk iva se jkollhom ħames snin ċans joħorġu mill-post għalkemm iridu jħallsu d-doppju tal-kera.