45 nazzjonalit√† differenti fl-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar

    Wara li dan il-ġurnal għamel intervista ma’ Fr Michael Attard, il-Kappillan tal-Knisja ta’ San Pawl il-Baħar, ħadna wkoll l-opinjoni tal-Kap ta’ l-Iskola Primarja ta’ l-istess lokalità, is-Sinjura Josette Dalmas. Dan bil-għan li nwasslu mil-lat edukattiv l-isfidi u s-sodisfazzjonijiet li jġib miegħu l-multi kulturaliżmu. 

    Is-Sinjura Dalmas ilha tmexxi din l-iskola għal dawn l-aħħar seba’ snin u tgħidilna li peress l-iskola ta’ San Pawl minn dejjem kellha ammont ta’ studenti barranin, il-multi kulturaliżmu huwa parti mill-ethos ta’ l-istess iskola.

    L-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar, li tilqa’ wkoll studenti residenti f’Buġibba u l-Qawra għandha popolazzjoni ta’ 1,050 student b’kollox fejn madwar 600 student għandhom iż-żewġ ġenituri tagħhom barranin. Hemm ukoll mal-120 student li għandhom ġenitur wieħed li hu barrani u esposti għal lingwa barranija fid-dar.

     “Id-diversità hi opportunità sabiħa biex it-tfal jikbru b’mod sħiħ”

    F’għadd ta’ mistoqsijiet li bagħtna lil Josette Dalmas, hi tgħidilna kif mil-lat edukattiv l-għalliema fl-iskola ta’ San Pawl għandhom sfida kbira fil-klassi peress li hemm varjetà ta’ abbiltà kif ukoll kulturi u lingwi differenti. Minkejja li ta’ kuljum l-isfidi ma jonqsux, hi tħoss sodisfazzjon u temmen li d-diversità hija wkoll opportunità sabiħa li tgħin lit-tfal biex jikbru b’mod sħiħ. 

    Fi skola statali fejn it-tagħlim tal-Malti huwa obbligatorju għal kulħadd, l-istudenti f’din l-iskola jitgħallmu l-lingwa nazzjonali. Għal dawk it-tfal li ma jikkomunikawx la bl-Ingliż u lanqas bil-Malti, is-Sinjura Dalmas qalet li jeżisti l-programm, ‘Migrants Unit’, li hu ddedikat għal dawn it-tfal. Semmiet ukoll il-probabbiltà li jsir tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija u li fl-opinjoni tagħha hi ideja tajba li jsir eżami tal-Malti addattat għall-barranin.

    Fost tibdil, il-kap ta’ l-iskola tħoss li hemm bżonn li jittella’ programm preparatorju għal dawk in-nies li jiddeċiedu li jirrisjedu f’Malta. Dan bħala forma ta’ programm introduttorju għall-persuni barranin li jiġu jgħixu f’Malta li jagħti għarfien dwar it-tradizzjonijiet u d-drawwiet f’pajjiżna.

    Mistoqsija dwar il-popolazzjoni kbira u n-nazzjonalitajiet differenti f’din l-iskola, is-Sinjura Dalmas qalet li skola mħallta hi riflessjoni tas-soċjetà tagħna, “b’differenza li fid-dinja tat-tfal hemm aktar komprensjoni, jadegwaw ruħhom aħjar u jkunu nfurmati b’kulturi varji”. Min-naħa tagħha l-kap ta’ l-iskola primarja ta’ San Pawl tgħidilna li fost ix-xewqat u l-aspirazzjonijiet tagħha hemm il-bini ta’ l-iskola l-ġdida fil-Qawra ppjanata għall-2019.