“L-isfruttament tat-tfal fid-dinja tax-xogħol itellifhom il-ferħ u l-innoċenza” … fl-ifqar pajjiżi tad-dinja, madwar 1 minn kull 4 tfal huma involuti

    “Ix-xogħol huwa attività li ġġib magħha ċertu pressjoni fuq min jaħdem, pressjoni biex jintlaħqu ċertu miri u riżultati ta’ produzzjoni u ta’ qligħ ekonomiku.  Ikun xi jkun ix-xogħol, it-tfal mhumiex maturi biżżejjed biex jissaportu din il-pressjoni, li tista' tkun ta’ ħsara għal saħħithom u għall-iżvilupp tagħhom kemm direttament, minħabba l-perikli li tesponihom għalihom, kif kull indirettament, għax ittellifhom milli jagħmlu dawk l-affarijiet li jgħinuhom jiżviluppaw bil-pass tagħhom, jiġifieri l-edukazzjoni u l-logħob, kif ukoll mill-ferħ u l-innoċenza tat-tfulija.”

    Dan qalitu l-Kummissarji għad-Drittijiet tat-Tfal f’kumment li tat lil Inewsmalta kif ukoll spjegat li  fil-pajjiżi kollha li jirrispettaw id-drittijiet tat-tfal, it-tfal huma protetti mill-pressjoni tax-xogħol permezz ta’ liġijiet li jistabilixxu età minima għad-dħul fid-dinja tax-xogħol. F’ Malta, din l-età minima hija l-istess bħall-età massima tal-edukazzjoni obbligatorja, jiġifieri ta’ sittax-il sena.  B’hekk, bl-infurzar ta’ din il-liġi, nistgħu niżguraw mhux biss li t-tfal ma jkunux qed jaħdmu iżda wkoll li jkunu qed jattendu l-iskola. 

    L-isfruttament tat-tfal fid-dinja tax-xoghol jinkludi l-forom kollha tax-xogħol imwettaq minn tfal taħt l-età stabbiliti fl-istandards tal-ILO (International Labour Office) għal dak it-tip ta' xogħol. Illum Jum Dinji kontra l-isfruttament tat-tfal tajjeb li nindunaw li hemm diversi forom ta’ sfruttament imma fost l-agħar hemm l-iskjavitù, dejn, prostituzzjoni, pornografija, użu ta' tfal fi traffikar ta' drogi u attivitajiet illegali oħra, u kull xogħol ieħor li x'aktarx ikun ta' ħsara jew perikoluż għas-saħħa, sigurtà jew morali tat-tfal taħt it-18-il sena.

    Miceli qaltilna “Madankollu, ikun hemm każijiet fejn tfal ikunu qed jaħdmu barra mill-ħinijiet tal-iskola jew fil-vaganzi. Dan jiġri spiss f’ kuntest fejn tfal jagħtu daqqa t’ id fin-negozju tal-familja tagħhom. M’hemm xejn ħażin b’ dan dment li jsir fil-parametri tal-liġi u b’ mod li ma jtellifx it-tfal mill-iskola u l-logħob u li ma jinfluwenzax it-tfal minn età żgħira li jagħżlu linja tax-xogħol fuq oħra.”

    Iż-żgħażagħ li jitħallew jaħdmu għandhom ikollhom kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa għall-età tagħhom u jkunu protetti kontra l-isfruttament ekonomiku u kwalunkwe xogħol li jista’ jkun ta' ħsara għas-sigurtà, is-saħħa jew l-iżvilupp fiżiku, mentali, morali jew soċjali tagħhom jew li jinterferixxu mal-edukazzjoni tagħhom.

    In-nies vulnerabbli huma dejjem affettwati b'mod sproporzjonat fi żminijiet ta' tnaqqis ekonomiku. Ir-rabta bejn it-tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku u ż-żieda fit-tħaddim tat-tfal m'hijiex sorpriża. Bir-reċessjoni, ħafna pajjiżi Ewropej naqqsu drastikament l-għajnuna soċjali. Hekk kif il-qgħad f’ċertu postijiet spara ħafna, ħafna familji ma sabu l-ebda soluzzjoni oħra milli jibagħtu lit-tfal tagħhom biex jaħdmu.

    Ħafna mit-tfal li jaħdmu madwar l-Ewropa għandhom okkupazzjonijiet estremament perikolużi fl-agrikoltura, il-kostruzzjoni, fabbriki żgħar jew fit-toroq. Dan ġie rrappurtat pereżempju fl-Albanija, il-Bulgarija, il-Ġeorġja, il-Moldova, il-Montenegro, ir-Rumanija, is-Serbja, it-Turkija u l-Ukraina. Ix-xogħol fl-agrikoltura jista' jinvolvi l-użu ta' makkinarju u għodda perikolużi, li jġorr tagħbijiet tqal u li japplika pestiċidi li jagħmlu l-ħsara. Ix-xogħol fit-toroq iħalli lit-tfal vulnerabbli għall-abbuż u l-isfruttament.

    Barra minn dan, jaf wasal iż-żmien li ngħollu l-età tal-edukazzjoni obbligatorja biex b’hekk it-tfal kollha, qabel ma jidħlu fid-dinja tax-xogħol, ikunu laħqu livell ta’ edukazzjoni għoli biżżejjed biex ilaħħqu mal-eżiġenzi ta’ soċjetà u ekonomija kompetittivi bbażati fuq l-għerf,” temmet tgħidilna Miceli.