L-immigranti abbord l-Aquarius se jkunu trasferiti fuq bastimenti oħrajn biex jittieħdu Spanja

    L-aktar minn 600 immigrant li ġew salvati mill-Mediterran u li attwalment huma abbord l-Aquarius se jkunu trasferiti għal fuq bastimenti oħrajn biex għaldaqstant ikunu jistgħu jittieħdu lejn Spanja. Dan wara li l-bastiment tal-NGO SOS Mediterranee, huwa maħsub li jista’ jġorr sa massimu ta’ madwar 500 persuna, bil-kundizzjonijiet tat-temp jagħmluha wisq perikoluża għalih li jkompli bil-vjaġġ tiegħu lejn Valencia.

    L-Aquarius spiċċa fiċ-ċentru ta’ każ diplomatiku wara li l-Italja rrifjutat li tilqa’ l-bastiment bl-immigranti abbord minkejja li kkordinat l-operazzjoni ta’ salvataġġ, u sfidat lil Malta biex tilqa’ lill-immigranti. Il-Gvern Spanjol min-naħa l-oħra wera d-disponibilitża tiegħu li jiftaħ il-post għall-bastiment.

    Il-ġurnalista ta’ Euronews Anelise Borges, li hija l-unika ġurnalista ta’ stazzjon televiżiv abbord l-Aquarius, qalet li l-ekwipaġġ ingħataw l-ordni biex jippreparaw lill-immigranti għall-proċess ta’ trasferiment għal fuq bastimenti oħrajn.