Sophia Loren tgħammed MSC Seaview qabel isalpa lejn Malta

    Il-leġġendarja ċinematografika Sophia Loren għammdet MSC Seaview, l-aħħar cruise liner u flagship ta’ MSC Cruises f’ċerimonja spettakolari fil-port ta’ Ġenova qabel beda l-ewwel vjaġġ tiegħu lejn Malta. Iċ-ċerimonja tmexxiet mill-preżentattriċi tat-Televiżjoni Taljana, l-Isvizzera Michelle Hunziker li stiednet lil Zucchero Fornaciari biex jagħti kunċert fuq MSC Seaview.

    Gianluigi Aponte, fundatur tal-grupp MSC u Pierfrancesco Vago, Chairman Eżekuttiv ta’ MSC Cruises stiednu  lil Sophia Loren taqta’ ż-żigarella biex tħabbat il-flixkun tax-xampanja mal-vapur u tagħti l-isem lit-13-il cruise liner ġdid ta’ MSC Cruises.

    MSC Seaview beda l-ewwel vjaġġ tiegħu l-għada l-Ħadd b’5,119 passiġġier  u 1413 membri tal-ekwipaġġ. Fosthom hemm 175 passiġġier minn Malta u Għawdex li kellhom l-opportunita` unika jibdew dan il-vjaġġ minn Ġenova lejn Napli, Messina u nhar l-Erbgħa se jidħlu fil-Port il-Kbir ta’ Malta.

    MSC Seaview itajjar il-Bandiera Maltija wara li MSC Cruises iddeċidew li jirreġistraw f’Malta il-cruise liners kollha ġodda tagħhom.

    HAMILTON TRAVEL (Malta) huma l-partners strateġiċi ta’ MSC Cruises f’Malta u jipprovdu l-opportunita` lil eluf ta’ Maltin u Għawdxin biex igawdu cruise fuq il-vapuri ta’ MSC Cruises minn Malta għal Malta u minn portijiet oħra fl-Ewropa. Għal aktar informazzjoni ċempel  21241292 jew idħol fis-site www.hamiltontravel.com.mt