L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se tagħlaq l-istaġun ta’ kunċerti b’mużika Franċiża

    L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se tagħlaq staġun ta’ kunċerti,li matuluċċelebrat il-ħamsin anniversarju tagħha, b’kunċert iddedikat lill-mużika Franċiża tas-seklu 19.

    Fil-kunċert, li jġib l-isem ta’ Berlioz le Fantastique, u li se jittella’ f’Dar il-Mediterrannhar il-Ġimgħa, 22 ta’ Ġunju, se jkun hemm orkestra ta’ mitt mużiċist taħt id-direzzjoni tad-direttur tal-orkestra Franċiż Raoul Lay.

    Kif jagħti ħjiel ismu, il-kunċert se jagħti prominenza lill-kompożitur Franċiż tal-era romantika Hector Berlioz. Però, il-kunċert jibda bil-Prélude à l'Après-midi d'un Faune ta’ Claude Debussy, xogħol ispirat minn poeżija ta’ Stéphane Mallarmé u li meqjus bħala wieħed mix-xogħlijiet li ta bidu għall-mużika moderna.

    Wara x-xogħol ta’ Debussy, l-orkestra tingħaqad mas-sopran Gillian Zammit biex iddoqq iċ-ċiklu ta’ kanzunetti ta’ Berlioz Les Nuits d’Été, setting mużikali ta’ sitt poeżiji ta’ Théophile Gautier.

    Il-kunċert jagħlaq b’wieħed mill-aktar xogħlijiet rinomati ta’ Berlioz, is-Symphonie Fantastique.

    Il-biljetti għal dan il-kunċert jistgħu jinkisbu minn fuq www.showshappening.com, jew direttament mill-box office ta’ Dar il-Mediterran.

    Għalkemm il-kunċert jimmarka l-għeluq uffiċjali tal-istaġun 2017/18 tal-orkestra, warajh ikun hemm sensiela ta’ kunċerti sajfin għall-MPO, l-ewwel wieħed fosthom Mediterranean Soul, kunċert konġunt mal-Orkestra taż-Żgħażagħ ta’ Malta li se jsir fit-30 ta’ Ġunju.