“Xbihatek Meqjuma Fi Djarna” - wirja fil-Każin Santa Katarina V.M. iż-Żurrieq

    Wirja bit-tema “Xbihatek Meqjuma Fi Djarna” qed tittella’ baħlissa fil-Każin tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M., f’Misraħ Repubblika, iż-Żurrieq. Din l-esebizzjoni kienet inawgurata mill-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Kunsilli Lokali Dr. Owen Bonnici u se tibqa’ miftuħa sal-Ħadd li ġej, 3 ta’ Ġunju.

    Fir-reliġjon Kattolika, l-qaddis/a patruna hija meqjusa bħala l-avukat difensur fil-ġenna li tipproteġi nazzjon, post, għaqda ta’ nies, familja jew persuna.  Il-Kattoliċi jemmnu li l-qaddis/a patruna li jinsabu jgawdi l’Alla fil-ġenna jinterċedu għalihom fid-diffikultajiet u l-bżonnijiet tagħhom.

    Fit-22 ta’ Dicembru 1642, l-Papa Urban VIII ħareġ digriet li permezz tiegħu ordna biex l-ibliet, villaġġi, kastelli u knejjes jagħżlu qassis/a prinċipali li lejhom kellha tintwera qima ewlenija u li l-ġurnata tal-festa tagħhom tkun waħda kmandata. Għaż-Żrieraq din ma kienet problema xejn, għax sa iktar minn 250 sena qabel, iż-Żrieraq kienu diġà għażlu lil Santa Katarina bħala l-Patruna tar-raħal.  Dan ifisser li Santa Katarina V.M. ilha Patruna taż-Żurrieq ‘il fuq minn 625 sena.

    Santa Katarina u ż-Żurrieq huma ħaġa waħda.  Ma tista’ tifridhom qatt minn xulxin!  L-istorja ta’ dan ir-raħal hija minsuġa f’rabta sħiħa ma’ Santa Katarina u l-protezzjoni tagħha.  Tul l-istorja ż-Żrieraq talbu bil-qalb lil Santa Katarina, sew fil-ferħ u l-glorja u sew fil-mumenti iebsin u tal-biżà u Hija dejjem ipproteġiethom.

    L-imħabba u d-devozzjoni kbira lejn Santa Katarina hija murija matul is-sena kollha u b’mod speċjali fil-festa li tiġi ċċelebrata kull sena u fix-xbihat tal-Qaddisa miżmuma b’ferm għożża ġewwa d-djar tad-devoti Żrieraq.  Dawn ix-xbihat ivarjaw minn statwi, pittura, ritratti u kull tip ta’ tifkira relatata mal-Qaddisa.  Uħud minn dawn ix-xbihat, miżmuma bħala teżori personali fid-djar taż-Żrieraq, ser ikunu esebiti fil-Każin tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. f’Misraħ Repubblika, ż-Żurrieq.

    Din l-esebizzjoni hija attività oħra f’sensiela ta’ attivitajiet tul tnax-il xahar organizzati mis-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. fl-okkażjoni tal-200 sena mill-wasla tal-Vara Titulari fiż-Żurrieq.  Il-Vara ta’ Santa Katarina hija xogħol artistiku tal-għola livell minn id l-artist Malti ta’ fama mondjali Mariano Gerada.

    Il-wirja “Xbihatek Meqjuma Fi Djarna” fil-Każin tal-Banda Santa Katarina V.M. taż-Żurrieq se tibqa’ għall-wiri tal-pubbliku sal-Ħadd 3 ta’ Ġunju. Id-dħul għaliha huwa bla ħlas.