Kunċert f’Għajnsielem mill-Baritonu Charles Buttigieg

    Il-Baritonu żgħażugħ Għawdxi Charles Buttigieg riċentement ġie ammess għall-istitut prestiġġjuż “Curtis Institute of Music” fl-Amerika, wara li ġie magħżul waqt awdizzjoni li saret f’Philadelphia. Hu se jkun qed jagħti kunċert f'Għawdex, fil-Knisja tal-Madonna ta’ Loretu, f’Għajnsielem. Buttigieg se jkun akkumpanjat mill-organista, is-Surmast Stephen Camilleri.

    L-avveniment qed jiġi organizzat mill-Fondazzjoni Papa Gwanni Pawlu II, magħrufa bħala “JP2”, b'kollaborazzjoni sħiħa mal-Ministeru għal Għawdex, id-Direttorat tat-Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku, il-Kunsill Lokali t’Għajnsielem, kif ukoll il-Parroċċa tal-Madonna ta' Loretu.

    Għajnsielem hu r-raħal fejn twieled Buttigieg, u l-Għajnselmiżi flimkien mal-Għawdxin kollha qegħdin jistennew bi ħġarhom dan il-kunċert biex jawguraw lil Charles għal din l-ammissjoni fil-“Curtis Institute of Music”.

    Il-Kunċert se jsir nhar il-Ħamis, 7 ta’ Ġunju 2018 u jibda fis-7.30pm. Il-pubbliku hu mistieden jattendi. Għal aktar informazzjoni ċempel fuq 99441076.