Imħabbra uħud mill-parteċipanti ta' Rock'N Malta

    Rock’N Malta tixtieq tħabbar uħud mill-kunċerti għall-edizzjoni ta’ din is-sena. 

    L-ewwel wieħed, li se jsir fit-30 ta’ Lulju, se jkollu lil Gogol Bordello (ritratt fuq) bħala l-mistiedna ewlenin tal-lejla. Dawn hu grupp mużikali minn Manhattan ta’ fama u suċċess internazzjonali li joffru mużika żingara, latina, folk u punk rock flimkien ma’ umoriżmu, attiviżmu u teatru. Żgur li se joffru spettaklu eċċezzjonali u kkulurit. Il-grupp mużikali Brodu se jiftaħ il-lejla.

    Fl-24 ta’ Awwissu Rock’N Malta se taqleb għall-heavy metal. Il-mistednin ewlenin għal din il-lejla se jkunu Dark Tranquillity, li hu grupp mużikali Żvediż pijunier fir-rock metalliku melodiku responsabbli mill-ħolqien tal-ħoss Gothenburg. Qabilhom se jdoqqu Evergrey, li jaqgħu fl-istess ġeneru ta’ rock – dak metalliku, imma iktar progressiv. Dan il-grupp mużikali għandu 11-il album. Jiftħu l-lejla l-grupp Malti Colourblind. 

    Julian Marley, iben il-leġġenda tar-reggae Bob Marley, flimkien mal-grupp mużikali The Upsiders, hu mistieden ieħor importanti għal din is-sena. Julian ‘Ju Ju’ Marley, kompla fejn ħalla missieru, u hu mużiċist tar-roots-reggae, kantawtur, produttur u filantropu. Fit-18 ta’ Awwissu se jkanta l-kanzunetti tiegħu u ta’ missieru. Il-grupp mużikali Malti ManaTapu se jiftaħ il-lejla b’taħlita ta’ mużika reggae, ska, folk u rock.

    Fit-30 ta’ Awwissu Malta se tara jdoqqu għall-ewwel darba lil Kaiser Chiefs,li huma rockers indie mir-Renju Unit. Ispirati mill-mużika new wave u punk rock ta’ tmiem is-sebgħinijiet u t-tmeninijiet, Kaiser Chefs dejjem laħqu l-quċċati tal-aħjar 10 kanzunetti jew albums b’mod kostanti. Huma biegħu miljuni ta’ albums kemm ilhom li ngħaqdu bejniethom mill-2000. L-avveniment jiftħuh it-trio punk Indie lokali, Bila.

    Iktar kunċerti mis-sensiela ta’ Rock’N Malta huma ppjanati li jitħabbru fiż-żmien li ġej. Għal aktar tagħrif żur il-paġna ta’ Facebook Rock’N Malta. 

    Dwar l-artisti li qegħdin jieħdu sehem fil-kunċerti ta’ din is-sena, id-Direttur Artistiku ta’ Rock’N Malta, Lou Bondì, qal: “Din is-sena għamilna sforz kbir biex inwessgħu l-firxa tal-istili ta’ rock li jeżistu u bħalissa ninsab konvint li se naslu hemm. Wara li rajna d-debutt meraviljuż ta’ dawn is-sensiela ta’ kunċerti s-sena li għaddiet, ħerqana li din is-sena nilħqu livell ogħla. Ir-rock hu l-ħajja.”

    Rock’N Malta jaqa’ taħt il-kappa ta’ Festivals Malta. Id-direttur tagħha, Annabelle Stivala, żiedet: “Hu ta’ sodisfazzjon kbir li tara l-marka ta’ Festivals Malta, li għadha kif nibtet, tissaħħaħ b’dan il-mod grazzi għall-artisti li se jieħdu sehem f’Rock’N Malta. Kburija li Festivals Malta qed tieħu passi kbar bħal dawn biex taħseb għal firxa vasta ta’ gostijiet mużikali li jvarjaw minn mużika klassika għal rock, minn mużika dinjija għal jazz u aktar.”

    Dr Owen Bonnici, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, ikkummenta: “L-istrateġija tagħna hi li nkomplu ninvestu u nappoġġjaw id-dimensjonijiet kollha tal-oqsma kulturali u dan nagħmluh bi skop u b’sens ta’ kbuija, għax nemmnu bis-sħiħ li dan l-investiment iwassal għal attività ekonomika u bidla soċjali bla paragun. Rock’N Malta hu eżempju ċar ta’ kif bir-riżorsi u l-investimenti t-tajba, setturi speċjalizzati jistgħu jkunu attivi b’suċċess fix-xena kulturali lokali huma wkoll.” 

    Il-biljetti jinsabu għall-bejgħ minn www.showshappening.com.