“Dancing Colours in the Sky” fil-Marsa mis-Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa

    Il-festa titulari tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa din is-sena se tkun qiegħda tiftaħ is-separju għall-istaġun tal-festi Maltin u Għawdxin għas-sajf 2018. Għalkemm li din il-festa m’għandhiex storja antika meta kkumparata ma’ festi oħrajn, xorta waħda nistgħu ngħidu li din qiegħda tikber b’rittmu mgħaġġel ħafna.

    L-element ewlieni ta’ dan il-progress huwa bla dubju ta’ xejn l-impenn bla waqfien tas-Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa - AD1949, li bħala entità li tieħu ħsieb il-Banda tal-Patruna, minn sena għall-oħra dejjem taħseb kif tista’ tkabbar u ttejjeb aktar il-prodott finali tal-festa, li din is-sena se tkun iċċelebrata nhar il-Ħadd, 27 ta’ Mejju.

    Il-Banda Trinità Qaddisa tagħti bidu għall-marci tradizzjonali tagħha mat-toroq tal-Marsa llum l-Erbgħa. Ikun hemm ukoll il-Marċ tal-Aħħar Tridu nhar il-Ġimgħa, 25 ta’ Mejju, dak tradizzjonali u rinomat mal-poplu Marsi nhar il-Ħadd, 27 ta’ Mejju, filgħodu, kif ukoll il-Programm Vokali u Strumentali  lejlet il-Festa taħt id-direzzjoni tas-Surmast David Joseph Sammut.

    Tajjeb li jsir aċċenn  għall-Marċ tal-Ġimgħa - t-tielet jum tat-Tridu , fejn il-Banda Trinità Qaddisa se tagħmel il-marc brijjuż tagħha fit-toroq tal-Marsa u li jintemm bi spettaklu ta’ nar sinkronizzat mal-mużika, bl-isem ta’ “Dancing Colours in the Sky”, organizzat mill-Kummissjoni li reġgħet bdiet in-nar ġewwa l-Marsa - l-Kummissjoni Trinitarji fi ħdan is-Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa. Kull min se jattendi għal dan l-ispettaklu se jkollu l-opportunità jammira x-xogħol tal-piroteknika uniku sinkronizzat mal-muzika minn fuq il-bjut tal-Każin tal-Banda.

    Nhar il-Ħadd, 27 ta’ Mejju, l-Banda Trinità Qaddisa tesegwixxi l-marċ tradizzjonali fit-toroq tal-Marsa bejn il-11:00 u t-15:00. F’dan il-marċ se jindaqqu marċi popolari proprjetà ta’ din is-Soċjetà. Dan il-marċ ukoll jintemm  bi spettaklu grandjuż li se jiġi organizzat għall-ewwel darba fil-Marsa. Se jkun hemm spettaklu uniku ta’ karti u nar sinkronizzati mal-mużika faċċata tas-sede tas-Soċjetà Muċikali Trinità Qaddisa f’qalb atmosfera brijjuża, kif jaf jagħmel il-poplu Marsi.

    Il-Kumitat Ċentrali tas-Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa u l-Kummissjoni Trinitarji qegħdin jistiednu lill-poplu Malti kollu biex jappoġġja l-element kulturali Malti billi jattendi għall-Festa ddedikata lit-Trinita Qaddisa.