Cassar Ship Repair se tneħħi l-vapur inkaljat fil-Qawra… il-ħidma mistennija tieħu xahar, jonqos il-permess tal-ERA

    Il-kumpanija Cassar Ship Repair ġiet fdata bit-tneħħija tal-bastiment “Hephaestus” li fl-10 ta' Frar li għadda inkalja fil-Qawra.

    Hija ntagħżlet ftit tal-jiem ilum wara li l-kumpanija tal-assikurazzjoni li magħha huwa inxurjat il-vapur ħarġet sejħa għal dawk interessati fl-operazzjoni biex il-vapur jinqala' minn fejn jinsab.

    Inewsmalta huwa infurmat li biex tibda l-ħidma għat-tneħħija tal-bastiment jonqos il-permess tal-Awtorita għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) peress li Transport Malta diġa tat il-'go ahead' għal din l-operazzjoni.

    It-tneħħija tal-vapur mistennija tieħu madwar xahar fejn wara li jinqala' mill-post mistenni jiġi meħud fid-'dockyard' tal-kumpanija Cassar biex jiġi żarmat.

    Il-vapur, reġistrat it-Togo u proprjeta tal-kumpanija Griega Volont Maritime SA, inkalja fil-Qawra wara li nġarr mill-mewġ minħabba ħsarat fil-magna.

    Abbord il-bastiment kien hemm ekwipaġġ ta' seba' persuni li erbgħa kienu ġejjin minn Bangladesh, tnejn mir-Russja u wieħed mill-Eġittu.

    Joynal Abedin, il-kaptan minn Bangladesh, kien l-unika wieħed li ddaħħal l-Isptar Mater Dei għall-kura mentri s-sitt baħrin ma sofrewx ġrieħi għalkemm kellhom xokk kbir fuqhom.

    L-ekwipaġġ dam Malta sa Frar stess u sakemm kien hawn qagħdu fis-Seaferers' Centre, dar fil-Belt li tilqa' fiha baħrin li jkollhom problema fejn joqgħodu.

    Tul iż-żmien li dam fostna huwa rċieva għajnuna minn bosta Maltin, inkluż ikel u xorb, fosthom mir-rappreżentant lokali tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ħaddiema tat-Trasport (ITF) li magħha l-GWU hija affiljata.

    Sakemm beda l-proċess li għandu jwassal biex il-vapur jinqala' minn fejn hu, l-awtoritajiet ħadu l-passi neċessarji biex jassiguraw li l-fjuwil abbord il-vapur ma jispiċċax fil-baħar. Għalkemm laħaq ħareġ ftit dijżil fuq il-post intbagħat kuntrattur biex jiġbru.

    Il-vapur ma setax jitneħħa aktar qabel mhux biss għax ried jiġi assigurat li ma ssirx ħsara ambjentali, jew li din tkun fil-minimu tagħha, imma wkoll peress li huwa reġistrat barra u għandu sidien barranin li għalhekk seta jwassal għal kwistjonijiet fuq l-assikurazzjoni.

    S'issa mhux magħruf kemm se tiġi tiswa' din il-ħidma li għandha twassal biex il-bastiment ta' 885 tunellata jinqala' minn fejn jinsab.