Jammetti li seraq minn sitt vetturi f’Tas-Sliema

    Ingliż li joqgħod tas-Sliema, li nqabad fil-fatt jisraq minn sitt vetturi, tressaq fil-Qorti fejn ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih.

    Jake Sebastian Morris, li għandu 41 sena, ammetta li fil-lejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta li għadda, seraq minn ġewwa sitt vetturi f’Tas-Sliema, li għamel ħsara volontarja fihom u li kien fis-sakra f’post pubbliku.

    Huwa ammetta wkoll li rrifjuta milli jagħti d-dettalji tiegħu lill-Pulizija, li heddidhom, li kkommetta reat waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża u li sar reċediv. 

    Fil-Qorti ħareġ li Morris għandu problema tad-droga u li fl-aħħar ġimgħat is-sitwazzjoni tiegħu ddeterjorat.

    Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li se tkun qed tagħti s-sentenza kontra l-imputat fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.

    Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mark Anthony Mercieca filwaqt li l-Avukat Francine Abela dehret għal Jake Sebastian Morris.