“Wisq nibża’ li l-ġenerazzjoni ta’ għada se tkun agħar”

    Wara l-inċident li seħħ ilbieraħ għall-ħabta tat-7.40 a.m. fi Triq Ħal Qormi u li ħalla lill-Kuntistabbli Simon Schembri, missier ta’ tliet itfal, jissielet għal ħajtu, bosta kienu dawk li taw ir-reazzjonijiet tagħhom dwar dak li seħħ.

    Wieħed mill-ħbieb u kollegi ta’ Schembri ma naqasx milli jaqsam il-ħsibijiet tiegħu dwar dan l-inċident li kapaċi jġegħlna naħsbu dwar kemm dawn l-uffiċjali jqattgħu sigħat twal fil-qilla tax-xemx, xita qliel, festi u avvenimenti oħrajn ‘il bogħod mill-familji tagħhom.

    Huwa tkellem dwar l-esperjenza tiegħu dwar kemm uħud mhumiex grati lejn din il-ħidma fejn fost każijiet ta’ kuljum jippruvaw jiftħu għajnejn dak li jkun waqt li jkun għaddej mingħajr ċintorin tas-sigurtà jew fuq il-mowbajl u dawn stqarr li dawn malajr iħarsulek bl-ikrah jekk mhux jaslu wkoll jaħbtu għalik.

    Huwa qal li fil-konfront ta’ dan l-inċident, hu flimkien ma’ sħabu fis-sezzjoni tat-traffiku jinsabu mħawdin u xxukjati quddiem l-imġieba tal-ġenerazzjoni tal-lum u jistqarr li “wisq nibża’ li l-ġenerazzjoni ta’ għada se tkun agħar”. 

    Filwaqt li awgura fejqan ta’ malajr lil Schembri huwa talab biex l-istess Schembri jsib il-kuraġġ biex jaffaċċja sfidi ġodda li se jkollu jegħeleb minħabba “l-qżież u d-dardir ta’ persuna taħt l-età”.