Mixli li stupra tifla ta’ 15-il sena

    Deniro Bugeja ta’ 23 sena minn Ħaż-Żabbar baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq fil-Qorti mixli li nhar it-Tnejn li għadda stupra tifla ta’ 15-il sena u li żamma kontra l-volontà tagħha. 

    Huwa kien akkużat ukoll li bejn Settembru 2017 u Mejju 2018 ipparteċipa f’attivitajiet sesswali magħha u li kkommetta reat waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża.

    Fil-Qorti ħareġ li Bugeja kien f’relazzjoni ma’ din it-tfajla u li telaqha biex jirranġa ma’ tfajla oħra. Ġara iżda li meta sar jaf li hi kienet qed tibgħat messaġġi lis-sieħba l-ġdida tiegħu, Bugeja allegatament “ħa l-vittma fid-dar ta’ ommu, taha xebgħa u stupraha biex jagħtiha lezzjoni.”

    Huwa wieġeb li ma kienx ħati tal-akkużi miġjuba kontrih iżda baqa’ jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

    Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur John Spiteri filwaqt li l-Avukat Malcolm Mifsud deher għal Deniro Bugeja.