Mhux se naċċettaw trattatament differenzjali mill-Kummissjoni Ewropea

    Il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna fil-Parlament iddikjara li fuq il-kwistjoni dwar il-VAT fuq kiri ta’ jottijiet, il-Gvern Malti kiteb lill-Kummissjoni Ewropea u spjega l-pożizzjoni. Iddikjara ukoll li f’laqgħa li kellu mal-Kummissarju Ewropew, hu ddikjara li l-Gvern Malti mhxu se jaċċetta trattament differenzjali, jiġifieri li jintbagħtu ittra lil Malta u pajjiżi żgħar oħra u ma tintbagħatx ittra simili lil pajjiżi kbar bħal Franza.

    Il-Ministru Scicluna fl-intervent tiegħu qal li “t-taxxa hi fuq quddiem nett tal-aġenda tal-Kummissjoni Ewropea. Hu fatt magħruf li l-evazjoni ta’ taxxa b’mod legali fid-dinja ta’ llum lanqas dan mhu jiġi aċċettat.  Qed nitkellmu fuq it-taxxa tal-kumpanija, li hi Corporation Tax. Il-Kummissjoni tixtieq li dawk il-pajjiżi li għandhom reġim ta’ taxxa kompetittiva kemm jista’ jkun jgħolluha ħalli pajjiżi oħra ma jkunux inqas kompetittivi.  Din nifhmuha li pajjiż li għandu settur pubbliku kbir u rati ta’ taxxa għoljin, jaraw lil pajjiżi oħra kompetittivi.”

    Saħaq li “pajjiżna m’għandux ir-riżorsi ta’ dawn il-pajjiżi imma rnexxielna nafu fejn qegħdin. Issa fuq il-VAT tal-kiri tal-jottijiet u din tgħid li meta wieħed jikri jott mill-Ewropa u jmur barra u jibqa’ hemm ma jħallasx VAT. Jekk jagħmel nofs fl-ibħra Ewropej u nofs barra, iħallas nofs ir-rata.  Din hi prattika minn pajjiżi kbar bħal Franza u l-italja.  Malta ikkuppjat dan il-mudell. Ċipru u l-Greċja għandhom xi ħaġa simili.  Dan l-aħħar kelli laqgħa mal-Kummissarju Ewropej u jien għedtlu li ma nistgħux naċċettaw li tintbagħat ittra lil Malta u Ċipru u ma tintbagħatx lil pajjiżi kbar bħal Franza.  Li għamilna, għamilnieh tajjeb u b’mod legali.  Qed nistennew li din is-sistema li daħħalna fil-pajjiż 10 snin ilu u nfurmajna l-Kummissjoni Ewropea biha, Aħna l-ittra bgħattniha u nistennew mill-Kummissjoni Ewropea”.