Tqassim tal-frott, ħaxix, u ħalib fl-iskejjel

    Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri nieda l-iskema ġdida ta’ tqassim tal-frott, ħaxix u ħalib lit-tfal tal-iskola bl-għan li tgħin sabiex titrawwem fosthom kultura ta’ ikel tajjeb u sostenibbli. L-iskema tlaħħaq investiment ta’ madwar €900,000 fis-sena sal-2023, bl-iskema tkun kofinanzjata mill-Unjoni Ewopea.  

    Clint Camilleri qal li taħt din l-iskema l-ġdida, tfal li jattendu skejjel primarji tal-istat, tal-knisja u dawk privati ser igawdu minn għażla differenti ta’ frott u ħaxix fuq suġġerimenti u proposti li waslu kemm mill-ġenituri, kif ukoll mill-edukaturi. L-iskema tal-frott u l-ħaxix qiegħda tiġġedded b’diversi elementi maħsubin li joffru qabża ’l quddiem fil-kwalità.

    Din l-iskema se tkun qed tkopri wkoll 100% tal-ispejjeż eliġibbli għat-tqassim tal-ħalib, fejn għall-kuntrarju ta’ snin preċedenti qegħdin jiġu assorbiti l-ispejjeż kollha, b’mod li mil-lum qed jiġi inkluż anki dan il-prodott frisk flimkien mal-frott u l-ħaxix.

    Din l-iskema tinkoraġġixxi l-konsum ta’ frott, ħaxix u ħalib frisk kif ukoll teduka u tqanqal għarfien dwar ir-rwol ta’ dawn il-prodotti, mhux biss fid-dieta tagħna iżda anki f’rabta mal-biedja ta’ madwarna.

    Matul din il-konferenza stampa, tnieda wkoll il-mascot ‘Ninu l-Bninu’, li ġie ddisinjat abbażi tad-disinn rebbieħ tal-kompetizzjoni li saret matul Skolasajf 2017 mill-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali. Is-Segretarju Parlamentari premja lit-tlett itfal li ġew fl-ewwel tliet postijiet, bil-Mascot rebbieħ ikun ta’ tifel li attenda SkolaSajf tan-Nadur, Għawdex, fejn fil-fatt saret it-tnedija.