ARA: “Għandhom jiħraxu l-pieni ta’ reati kontra uffiċjali tal-ordni”

    Is-Segretarju tat-Taqsima fi ħdan il-General Workers’ Unoin, Theo Vella, jappella lil Gvern biex “ma jinsix il-wegħda elettorali, li kull membru tal-korp jibbenefika minn polza ta’ assigurazzjoni.”

    F’kumment dirett ma’ dan is-sit, is-Segretarju tat-Taqsima Forzi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurta u tal-Infurzar tal-Liġi fi ħdan il-General Workers’ Union Theo Vella, tenna li l-pieni preżenti stabbiliti fil-liġi għar-reati kontra uffiċjali tal-ordni “mhux qegħdin iwasslu l-messaġġ neċessarju mal-bqija tas-soċjeta. Għalhekk, aħna nemmnu li m’hemmx triq oħra ħlief li dawn il-pieni ikompli jiħraxu.”

    “Fl-istess ħin, nappella lill-Gvern biex ma jinsiex il-wegħda elettorali li huwa għamel fl-2013, meta wiegħed li se jkun qiegħed jevalwa l-possibilita’ ta’ polza ta’ assigurazzjoni għall-membri kollha tal-korpi dixxiplinati. Issa huwa ż-żmien li din il-polza fl-aħħar tibda tiġi implimentata.”

    “Uħud jaffaċċjaw dan il-periklu ta’ kuljum.”

    Vella rrimarka kif it-taqsima tal-korpi ddixiplinati fi ħdan il-General Workers Union rċevew diversi messaġġi ta’ solidarjetà fil-konfront tal-Kuntistabbli Simon Schembri, il-vittma tal-inċident tat-Tlieta filgħodu ġewwa Ħal Luqa. “Inkun qiegħed nonqos jekk bħal-lum, wara diversi messaġġi li rċevejna ilbieraħ u llum stess, ma ngħaddix messaġġ ta’ solidarjetà.”

    “Fost l-oħrajn, insemmi il-membri tal-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin, dawk tal-Union tal-Forzi Armati (li kien ffurmat riċentament u diġà bdew il-ħidma tagħhom favur it-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ dawn il-ħaddiema), il-gwardjani lokali (li setgħu faċilment kienu huma f’inċidenti simili), u fl-aħħar l-uffiċjali tas-sigurta, li jgħaddu minn dan it-tip ta’ theddid waqt il-qadi ta’ dmirijiethom ta’ kuljum.”

    “Pulizija għandhom ikunu protetti mill-liġijiet tal-OHSA”

    Vella għamel appell ieħor lill-Gvern biex jemenda l-liġi li tistabbilixxi l-Awtorita’ għas-Saħħa u S-Sigurta fuq il-Post tax-Xogħol. Artiklu 3 tal-Kapitlu 424 tal-Liġi ta’ Malta jgħid li l-att tal-infurzar tal-Awtorita “ma japplikax fil-każ ta’ dawk l-attivitajiet immexxija mill-membri tal-forzi armati, tal-korp tal-pulizija jew tas-servizzi tal-protezzjoni ċivili.”

    “Hemm bżonn li din il-liġi tiġi emendata, biex l-uffiċjali kollha ġewwa l-Korp tal-Pulizija jingħataw il-protezzjoni legali denja, kif tirrikjedi din il-liġi f’setturi tax-xogħol oħra.”

    Fil-Jiem Li Ġejjin, Azzjoni Mill-Unions Ewlenin Fil-Korp tal-Pulizija

    “Fl-aħħar, iżda żgur mhix l-inqas, nixtieq nagħmel appell lill-Membri tal-Korp: Nifhem ir-rabja li għandkom f’dan il-mument. Hija natural, għaliex aħna umani bħal kulħadd. Ir-risposta tagħna però, għandha tkun solidarjetà ikbar. Għaldaqstant għandna nagħtu messaġġ billi mmorru nagħtu d-demm. Hemm ħuna Simon, flimkien ma’ pazjenti oħra, li għandhom bżonn tad-demm, u r-risposta tagħna għandh tkun l-imħabba u mhix il-mibgħeda.”

    Vella ħabbar li fil-ġranet li ġejjin, “iż-żewġ Unions ewlenin fil-Korp tal-Pulizija, sejrin jieħdu xi forma ta’ azzjoni paċifika. Il-membri tal-Korp, u kull min jixtieq jagħti l-appoġġ tiegħu lill-membri tal-korp u lil dan ħuna Simon, jista’ jagħmel dan billi jwassal il-messaġġ ta’ azzjoni u jingħaqad magħna fil-jiem li ġejjin.”