"Bħalma jkunu kapaċi jagħmlu t-tfal, il-ġenituri għandhom ikunu kapaċi jrabbuhom"

    “Jekk il-ġenituri ma jafux fejn qegħdin ikunu uliedhom, ma’ min qegħdin ikunu u jirregolawhom, għandhom problema… serja wkoll”. Hekk beda biex jgħid ma’ dan is-sit it-Terapista tal-Familja speċjalizzat f’diversi metodi ta’ psikoterapija Dr Charlie Azzopardi b’rabta mal-każ li fl-aħħar sigħat ħalla lil bosta xxukjati b’dan li ġara.

    Azzopardi tkellem magħna dwar numru ta’ mistoqsijiet marbutin ma’ dak li seħħ ilbieraħ fejn fost affarijiet oħra staqsa fejn kienu l-ġenituri tal-ġuvnott meta dan ħa ċ-ċavetta tal-karozza u kif kien daqshekk tajjeb fis-sewqan minkejja li għadu taħt l-età? Huwa kompla jgħid li dan il-każ iqajjem numru ta’ mistoqsijiet dwar id-dixxiplina u t-trobbija u s-sens ta’ awtorità li l-ġenituri qegħdin jinstallaw f’uliedhom.

    Azzopardi qal magħna li fl-opinjoni tiegħu l-ġenituri huma responbsabbli għal uliedhom u li huma jridu jkunu kapaċi jikkontrollaw lilhom infushom u lil uliedhom sakemm jikbru. Huwa żied jgħid li kif dawn ikunu kapaċi jagħmluhom, huma stess iridu jkunu kapaċi jieħdu ħsiebhom sew.