Jagħmel suwiċidju għax irċieva kont għoli tad-dawl

    Bejjiegħ tal-ħaxix fl-Indja allegatament qatel lilu nnifsu wara li rċieva kont tal-elettriku ta’ kważi $13,000 fl-istat ta’ Maharashtra, fil-Punent tal-Indja.

    Jagannath Shelke ta’ 36 sena, ħalla warajh nota suwiċidali li kienet tgħid li l-kont kien “għoli ħafna”, skont ma qalet familtu lill-aġenzija tal-aħbarijiet BBC Marathi. Madankollu uffiċjali qalu li l-kont attwali kien ta’ $41.6.

    Il-familja tal-mejjet allegat li uffiċjali tal-bord tal-elettriku ma tawhx għajnuna meta mar jitlobhom għal diversi drabi. Il-pulizija ħarġu taħrika lil uffiċjal tal-bord talli bagħtulu kont skorett. 

    Il-bord tal-elettriku ssospenda lil dan l-uffiċjal wara li n-nota suwiċidali ta’ Shelke dehret fuq il-midja soċjali. Shelke kien ġie mitlub iħallas għal 61178 units ta’ elettriku meta suppost li kellu jħallas għal 6117.8 units. Peress li uffiċjali tal-bord kienu qraw ħażin l-arloġġ tad-dawl, huma ġġeneraw il-kont fuq figuri ħżiena.

    Suresh Ganeshkar, inġinier anzjan qal lill-ġurnalista Amey Pathak tal-BBC Marathi li l-kont kien żbaljat minħabba nuqqas ta’ punt deċimali. Huwa kompla li ttieħdu passi dixxiplinari kontra l-impjegat responsabbli. Huwa żied li l-kwistjoni ma ġietx riżolta minħabba li Shelke naqas li jibgħat ilment bil-miktub lill-bord tal-elettriku. Il-kont huwa rċevih fl-aħħar ġimgħa ta’ April u kien ikopri l-konsum tax-xahar ta’ Marzu.

    Ħu Shelke, Vitthal, qal li tmint ijiem ilu ħuh ċempillu u deher li kien inkwetat bil-kont li rċieva. Huwa żied li ħuh qallu li uffiċjali tal-bord kienu qegħdin jhedduh li jikkonfiskawlu l-proprjetà

    Bint il-mejjet, Ashwini, allegat li missierha miet minħabba falliment fis-sistema. Hija kompliet tgħid li missierha kellu piż finanzjarju kbir u l-kont esaġerat li rċieva kien ta’ xokk enormi għalih.