Melania Trump operata minħabba problemi fil-kliewi

    Il-First Lady Amerikana Melania Trump saritilha operazzjoni maġġuri għal dak li l-White House ddeskriviet bħala “kundizzjoni mhux ta’ periklu fil-kliewi”. L-uffiċċju tagħha qal li l-operazzjoni fil-kliewi saret f’Walter Reed National Military Medical Centre u li kienet suċċess.

    Melania Trump, li għandha 48 sena, mistennija, tibqa’ l-kumplament ta’ din il-ġimgħa tirkupra fiċ-ċentru mediku ta’ Bethesda, Maryland. Il-President Trump kiteb fuq Twitter li kien se jitlaq għal ħdejha. 

    Il-proċedura medika li għamlu lil Melania tissejjaħ Embolisation u din l-aktar li ssir biex timblokka d-demm milli jersaq lejn tumur, kemm jekk hu 'benign' (mhux ta’ periklu) u kemm jekk ikun 'malignant' (kanċer perikoluż). 

    Kelliema għal Melania Trump qalet li l-First Lady qiegħda taspira għal fejqan sħiħ u ta’ malajr biex tkun tista’ tkompli xogħlha b’risq it-tfal kullimkien. Il-ġimgħa l-oħra hija nediet kampanja “Be Best” immirata li tgħallem lit-tfal l-importanza tas-saħħa fiżika, emozjonali u soċjali. Hija qalet li din il-kampanja hija mmirata biex tippromwovi ħajja sana u biex tikkumbatti l-abbuż mid-drogi.