Il-Ministru Ian Borg iħabbar investiment ġdid ta’ €3 miljun li qed isir minn Malta Maritime Pilots għall-edukazzjoni marittima

    Il-Ministru Ian Borg ħabbar investiment ta’ €3 miljun minn Malta Maritime Pilots għal ċentru ta’ riċerka u ta’ taħriġ state of the art f’Ħal Far. Il-faċilità l-ġdida se jkollha l-isem ta’ Maritime MT.

    Il-Ministru faħħar lill-individwi, lill-kumpaniji u lill-għaqdiet kollha li joperaw fi ħdan l-industrija marittima - dawk li ġejjin mis-settur pubbliku u dawk li ġejjin mill-privat. Tenna l-intenzjoni tiegħu li bħala ministru jkompli jaħdem biex jgħin lis-settur imantni l-pass sostnut li qabad u jkompli jimxi ’l quddiem filwaqt li jżomm l-isem pożittiv li pajjiżna kiseb madwar id-dinja.

    Industrija robusta bħal din ma tistax tkompli tifjorixxi mingħajr il-kontribut ta’ investituri u ta’ entitajiet dedikati – bħal piloti marittimi u impjegati tagħhom li għandhom ir-rieda u d-determinazzjoni li jkomplu jiżviluppaw l-istatus professjonali tagħhom u jersqu ’l quddiem b’inizjattivi ġodda, qal il-Ministru. Qal li hu sodisfatt li jara li flimkien mal-investiment tal-Gvern f’diversi proġetti infrastrutturali, is-settur privat qed jieħu inizjattiva biex jikkumplimentahom b’investimenti oħrajn - fatt li juri li s-settur privat għandu fiduċja soda fil-Gvern.

    Iċ-ċentru l-ġdid, Maritime MT, se jieħu post iċ-ċentru eżistenti għar-riċerka u għat-taħriġ. Dan tal-aħħar qeda dmiru sew iżda d-daqs tiegħu m’għadux adattat għall-varjetà ta’ bżonnijiet li jitolbu industrija li qed tikber u qafas legali dinamiku. Hu essenzjali li jkompli jsir l-investiment fit-taħriġ u fl-iżvilupp professjonali tal-individwi li jagħmlu s-settur marittimu dak li hu. Mingħajr id-dedikazzjoni u l-għarfien espert tagħhom, dan ma jkomplix jaħdem u l-industrija ta’ suċċess tieqaf ħesrem.

    Il-Ministru Borg faħħar l-element ta’ antiċipazzjoni u l-ippjanar fit-tul, l-attitudni li tmexxi s-settur ’il quddiem favur suċċess u tkabbir sostnut. Spjega li b’ċentru ta’ taħriġ li se jaqdi wkoll lil dawk li joffru s-servizzi fuq is-superyachts u l-industrija tad-divertiment, se jinfetħu ħafna opportunitajiet li jaffettwaw setturi u fornituri tas-servizzi differenti f’pajjiżna. L-investiment ta’ €3 miljun se jwassal għal taħriġ ħolistiku li jindirizza s-setturi marittimi kollha inklużi dawk li jaħdmu fuq il-baħar, impjegati bażati fuq ix-xatt u jattira liż-żgħażagħ biex ifittxu karriera marittima grazzi għal żieda fl-opportunitajiet. 

    Il-Ministru faħħar l-ispirtu ta’ diskussjoni u ta’ kollaborazzjoni li jkompli jissarraf fis-suċċessi u fil-kisbiet tas-settur u esprima sodisfazzjon li jara l-koperazzjoni bejn il-Gvern, Transport Malta, il-piloti, Tug Malta, l-impjegati li jaħdmu fl-irmiġġ, is-sidien tal-bastimenti u l-operaturi tat-terminals f’dan il-proġett kbir. Faħħar l-inizjattiva li ssir regolarment b’mod kollaborattiv minn Transport Malta u minn Malta Maritime Pilots li jikkummissjonaw studji li jindirizzaw realtajiet preżenti biex jaġġornaw u jirrakkomandaw strateġiji u manuvri biex bastiment jidħol fil-portijiet tal-Belt Valletta u ta’ Marsaxlokk, fejn is-sigurtà tan-navigazzjoni hi dejjem l-għan prinċipali.

    “Il-portijiet marittimi huma kruċjali għall-ekonomija ta’ kwalunkwe gżira u dan ma jonqosx għal Malta. Ma nistgħux nissottovalutaw l-importanza tal-portijiet tagħna. It-tkabbir kostanti fid-daqs tal-bastimenti u l-iskedi mimlija, il-kunċett just-in-time u l-kapaċità limitata tal-portijiet jippreżentaw sfidi. Madanakollu sfidi bħal dawn ma jbeżżgħuniex, hekk kif aħna għandna l-assigurazzjoni ta’ relazzjoni ta’ xogħol eċċellenti bejn Transport Malta bħala awtorità tal-portijiet u l-fornituri tas-servizzi li jaqdu d-9,000 bastiment marittimu li jżuru l-portijiet tagħna għal xogħol ta’ merkanzija jew għal servizzi oħrajn bħal bunkering u tiswija tal-bastimenti”, qal il-Ministru. 

    “Il-pilotaġġ marittimu hu wieħed mis-servizzi essenzjali li sar aktar relevanti mat-tkabbir tad-daqsijiet tal-bastimenti u maż-żieda ta’ pressjoni kummerċjali f’industrija ferm kompetittiva. L-approċċ modern li tagħmel taħriġ ta’ studji dwar is-sigurtà tal-port u studji nawtiċi permezz ta’ simulator tat-tħaddim tal-vapuri b’tagħrif lokali, jgħin biex il-portijiet tagħna jibqgħu joperaw b’mod effiċjenti mingħajr ma jikkompromettu l-istandards tas-sigurtà”.

    L-istudji kummissjonati se jservu wkoll ta’ pjattaforma biex jgħaqqdu flimkien lill-istakeholders u jqajmu diskussjonijiet dwar kif għandhom jintlaħqu l-għanijiet u jiġu implimentati l-miżuri rakkomandati fir-rapport b’mod pragmatiku. F’dan ir-rigward, il-Ministru rringrazzja wkoll lill-kumpanija Olandiża Marin, mexxejja fir-riċerka dwar is-sigurtà tal-portijiet, u li magħha Transport Malta u l-piloti ffurmaw relazzjoni tax-xogħol professjonali. L-għarfien espert u l-kontribut tagħhom, flimkien mal-għarfien lokali, jagħtu kredibilità u valur miżjud lill-istudju dwar is-sigurtà tal-portijiet.

    Il-Ministru kkonkluda li jemmen fl-importanza tad-diskussjoni fis-settur. “Ir-rieda tagħna li nikkollaboraw u napprezzaw l-isforzi li jsiru mill-privat u mill-Gvern hi waħda mill-fatturi li l-aktar jinfluwenzaw is-suċċessi tagħna. Ninsab ħerqan biex nara l-benefiċċji li żgur se jirriżultaw minn dan l-investiment u ntenni l-impenn tiegħi favur it-tkabbir u l-benefiċċju tas-settur marittimu”.