Il-Gvern b’aktar inizjattivi biex jindirizza u jnaqqas l-użu tal-plastik - issa bi strateġija u b’qafas legali dwar il-plastik ‘single-use’

    Permezz tal-Ministeru għall-Ambjent, il-Gvern ħabbar li talab lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex tfassal strateġija u qafas leġiżlattiv ħalli jiġi indirizzat b’mod effettiv l-użu tal-plastik single-use. Ċifri tal-Kummissjoni Ewropea juru li s-single-use plastic tużah darba għal ħames minuti imma jieħu ħames mitt sena biex jinqered u jiġi diżintegrat. 

    Malta qed issegwi din l-isfida b’attenzjoni u fil-ġimgħat li għaddew nediet għadd ta’ inizjattivi bil-għan li jitnaqqas, jiġi riċeklat jew jerġa’ jintuża l-plastik u b’hekk insalvaw u nipproteġu aktar l-ambjent.

    L-Att dwar l-Ekonomija Ċirkulari li se jiġi varat dalwaqt jaħseb għas-separazzjoni tal-iskart bil-liġi fuq il-post fejn jiġi ġenerat - responsabbiltà akbar biex il-miri tar-riċiklaġġ jiġu milħuqa mill-kunsilli lokali, mill-kumpaniji u miċ-ċittadini, kif ukoll qafas biex aktar inizjattivi u regolamenti ġodda jiġu xprunati biex tiġi megħluba l-isfida tal-iskart.

    Il-Beverage Container Refund Scheme (BCRS) hi fost l-isfidi li bħalissa l-Gvern qed jagħmel konsultazzjoni dwarha. Madanakollu l-Ministru José Herrera qal li dan mhux biżżejjed biex nindirizzaw dan il-qasam, partikolarment l-użu tal-plastik. 

    Kien għalhekk li l-Ministru Herrera - bħala l-ministru responsabbli - talab lill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi biex fi żmien erba’ xhur tipprepara qafas politiku għal konsultazzjoni pubblika biex jiġi indirizzat l-użu tas-single-use plastik. 

    Il-Ministru José Herrera qal li l-Gvern jibqa’ kommess li jipproteġi l-ambjent mit-tniġġis tal-plastik waqt li nsaħħu t-tkabbir u l-innovazzjoni biex inbidlu din l-isfida f’aġenda pożittiva għall-pajjiż. 

    Il-Ministru qal ukoll li l-ambjent f’pajjiżna għandu bżonn deċiżjonijiet tanġibbli u konkreti u mhux diskorsi sproporzjonati mibnija fuq miżinformazzjoni, bħal pereżempju mhux il-każ li l-impjant tal-waste-to-energy se jkun mibni biex jaħraq il-plastik. Għall-kuntrarju, il-Gvern qed iħabbar inizjattivi - l-ewwel waħda fosthom il-BCRS - biex il-fliexken tal-plastik jiġu reċiklati separatament mill-boroż eżistenti.

    Din tas-single-use plastic, ġaladarba fis-seħħ, se tkompli tgħin biex il-pajjiż inaqqas u jirreċikla l-użu tal-plastik. “Din hi l-ekoloġija tal-ħsieb għal immaniġġjar ta’ skart aħjar f’qafas ambjentalment sostenibbli”, qal il-Ministru Herrera.