Jammetti li hedded u weġġa’ lil martu wara argument

    Raġel kien ikkundannat erba’ xhur ħabs sopiżi għal 18-il xahar wara li nstab ħati li hedded u li kkawża ġrieħi ħfief fuq il-mara tiegħu wara argument li nqala’ bejniethom nhar it-Tnejn li għadda fil-Floriana.

    Fil-Qorti ħareġ li l-koppja ma għadhomx flimkien filwaqt li dan l-inċident kien l-għaxar wieħed tagħhom irrappurtat lill-Pulizija din is-sena u l-għoxrin wieħed fl-aħħar sentejn. 

    L-Avukat Difensur Jason Grima saħaq li l-inċident seħħ minħabba l-provokazzjoni tal-mara u spjega li l-koppja bħalissa jinsabu għaddejjin bi proċeduri ta’ separazzjoni.

    Fid-dawl li l-imputat ammetta tal-akkużi miġjuba kontrih, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, ikkundannatu erba’ xhur ħabs sopiżi għal 18-il xahar filwaqt li ħarġet ordni ta’ trażżin għal perjodu ta’ tliet snin. 

    Finalment il-Qorti wissiet lill-imputat bil-konsegwenzi jekk huwa javviċina jew ikellem lil martu matul dan il-perjodu. 

    Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Daryl Borg.