Żminijietna tappella l-Gvern biex jappoġġja lir-residenti u mhux l-ispekulaturi dwar żvilupp f'Pembroke

    L-organizazzjoni xellugija Żminijietna appellat lill-Gvern biex jappoġġja lir-residenti u mhux lill-ispekulaturi fir-rigward tal-proposta sabiex jinbena proġett deskritt minnhom bħala massiv fil-konfini tal-lokalità ta' Pembroke. 

    Żminijietna żiedet tgħid li "r-residenti għandhom dritt jgħixu f'ambjent tajjeb, 'il bogħod mir-rgħiba u l-egoiżmu ta' ftit spekulaturi. L-ideja sabiex tinbena binja għolja ta' ammont kbir ta' sulari għanda tiġi rrifjutata, peress li lokalità ta' Pembroke mhiex klassifikata biex tikkomoda fiha tali żvilupp. L-art inkwistjoni parti kbira minnha taqa' taħt il-konfini ta' Pembroke. Kif ukoll, regolamenti tal-ippjanar ma jippermettux li dan isir, sakemm ir-regolamenti ma jinbidlux".

    "Deċiżjonijiet mgħaġġla, fejn ma tingħatax konsiderazzjoni tar-residenti li jgħixu f'dik iż-żona hija sinonima ma' pajjiżi li jittrattaw lin-nies tagħhom bħala tat-tieni klassi. Iż-żieda fl-ekonomija m'għandhiex tkun it-tmiem ta' kollox, peress li hemm aspetti oħra li għandhom jingħataw l-importanza mistħoqqa qabel ma tittieħed deċiżjoni, fosthom dak soċjali, kulturali u ambjentali".

    Żminijietna żied tgħid li se tingħaqad fil-protesta biex issir pressjoni fuq il-Gvern biex jittratta n-nies b'mod ġust. l-istqarrija temmet tgħid li l-fatt li l-art inkwistjoni kienet pubblika, il-Gvern jibqa' resposabbli ta' kull impatt negattiv li jista' joħloq dan il-proġett massiv fuq ir-residenti u l-ambjent tal-madwar.