Raġel arrestat wara allegat serq minn vetturi f'Tas-Sliema

    Matul il-lejl li għadda għall-ħabta tal-4.20 p.m. il-Pulizija arrestat raġel wara li allegatament kien qed jisraq minn vettura. Il-każ seħħ fi Triq Dun Mikiel Rua f’Tas-Sliema.

    Il-Pulizija tad-Distrett flimkien ma’ dawk tar-Rapid Intervention unit marru minnufih fuq il-post u wara ftit ġie arrestat raġel fi Triq Sid Adrian Dingli, f’Tas-Sliema stess. Jidher li hekk kif il-Pulizija avviċinat lis-suspettat dan ipprova jaħrab iżda nqabad mill-ewwel.

    Minn stħarriġ preliminari l-Pulizija nnotaw vettura li kellha xi ħġieġ imkisser u wara tfittxija li saret fuq is-suspetta instabu xi oġġetti li allegatament kienu nsterqu mill-istess vettura. Apparti dan instabet ukoll arma li taqta’ u bil-ponta.

    Minn iktar investigazzjonijiet li saru rriżulta wkoll li kien hemm għadd ta’ vetturi oħrajn li sfaw fil-mira tal-allegat ħalliel.

    Ir-raġel għadu qed jinżamm mill-Pulizija filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.