“Se nagħmlu minn kollox biex issir ġustizzja wara dan l-inċident mill-aktar serju … Inaċċettabbli li jseħħ f’soċjetà li suppost hija waħda ċivili u normali”

    “Se nagħmlu minn kollox biex issir ġustizzja wara dan l-inċident mill-aktar serju.” Hekk saħqet l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta (MPA) b’rabta mal-inċident li seħħ dalgħodu meta l-kuntistabbli Simon Schembri ttajjar u safa mkaxkar għal distanza konsiderevoli wara li waqqaf lil żagħżugħ ta’ 17-il sena li kien qed isuq vettura tat-tip Mercedes u talbu d-dokumenti.

    L-MPA filwaqt li kkundannat kategorikament u bla riżerva ta’ xejn dak li seħħ dalgħodu saħqet li dak li ġara bla dubju ta’ xejn huwa inaċċettabbli li jseħħ f’soċjetà li suppost hija waħda ċivili u normali.

    L-istqarrija maħruġa mill-MPA kompliet tgħid li mingħajr preġudizzju għal kif għad jiżvolġi l-każ quddiem il-Qrati “ma nistgħux nibqgħu b’ħalqna magħluq u fis-silenzju, meta kollega tagħha u membru tal-korp tal-Pulizija li jirrappreżenta Awtorità tal-Ista jispiċċa f’dan l-istat minħabba l-qadi ta’ dmirijietu”.

    L-MPA kompliet tgħid li kif għamlet għal dawn l-aħħar snin qed titlob bil-qawwa kollha tagħha biex il-Gvern jieħu bl-akbar serjetà din is-sitwazzjoni u l-periklu li l-Pulizija jsaqqaf wiċċu miegħu ta’ kuljum fil-qadi ta’ dmirijietu.