Jinħeles mill-ħabs wara 18-il sena wara li kien instab ħati bi qtil li ma wettaqx

    Raġel li qatta’ 18-il sena l-ħabs wara li nstab ħati ta’ qtil li ma għamilx fl-aħħar inħeles.

    David Robinson f’kummenti lil CBS News qal li “kien qed jgħix ħolma kerha” b’ħajtu tinqaleb ta’ taħt fuq għal xejn b’xejn. Madankollu huwa qal li kien kuntent li fl-aħħar inħeles u ismu tnaddaf mir-reat li qatt ma kien wettaq.

    Fl-2001 huwa kien instab ħati li spara u qatel lil Sheila Box barra l-bar tagħha fil-belt ta’ Sikeston f’Missouri fl-Istati Uniti qabel ma eventwalment seraq xi flus.

    Minkejja li ftit li xejn kien hemm evidenza fiżika li turi li kien hu l-qattiel, l-awtoritajiet saħqu li Robinson – li kellu passat ta’ reati b’konessjonijiet mad-droga – kien wettaq dan ir-reat.

    Saħansitra fil-ġuri kien hemm xhud li saħaq li kien ra lil Robinson joqtol lill-mara. Aktar tard kien sar magħruf li x-xhieda kienu ngħataw somom ta’ flus biex jixhdu.

    Erba’ snin wara li Robinson kien intbagħat il-ħabs, raġel ieħor kien ammetta permezz ta’ rekording li kien huwa li kien qatel lill-mara.

    Romanze Mosby qal li kien qed ibigħ droga lil Box, u nħakem minn paniku meta ra li din kellha pistola. Fl-2009 Mosby kien wettaq suwiċidju.

    Minkejja diversi każi ta’ appell, Robinson baqa’ ma nħelisx. Madankollu fi Frar tal-2017 imħallef saħaq li l-evidenza turi b’mod ċar li Robinson ma kienx responsabbli mill-qtil tal-mara. Dan wassal biex ir-raġel jinħeles aktar minn sena wara.