Il-funeral ta' “Lino” se jsir nhar il-Ħamis li ġej

    Il-funeral ta’ Christian Camilleri, ir-raġel ta’ 35 sena li tard nhar is-Sibt filgħaxija tilef ħajtu traġikament f’inċident tat-traffiku fi Triq Garibaldi l-Marsa, se jsir nhar il-Ħamis li ġej fis-2.30 p.m. fil-Knisja ta’ Ħal Kirkop.

    Jidher li għal xi raġuni r-raġel tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu, tela’ bankina u ħabat ma’ siġra, bid-daqqa tant tkun b’saħħitha li jmut fuq il-post.

    Fuq il-midja soċjali tħallew bosta messaġġi minn qraba u nies li kienu jafuh mill-qrib, b’“Lino” – hekk kif kien magħruf mill-ħbieb tiegħu tal-Kamra tan-Nar ta’ San Ġużepp ta’ Ħal Kirkop – deskritt bħala raġel dejjem bit-tbissima fuq fommu, li dejjem kien jara kif se jferraħ lil ta’ madwaru.