Illum isiru t-58 funeral tad-dimostranti li nqatlu lbieraħ f'Gaza

    Matul il-ġurnata tal-lum mistennijin li jsiru l-funerali għat-58 persuna li nqatlu mill-qawwiet Iżraeliti fis-sigħat li għaddew, wara li eluf ta’ dimostranti nġabru mal-fruntiera jipprotestaw kontra l-ftuħ tal-Ambaxxata Amerikana f’Ġerusalem.

    Il-funerali mistennijin li jiżvolġu fl-istess jum li l-poplu Palestinjan ifakkar in-“Nakba” (katasatrofi), li tfakkar lill-aktar mis-700,000 persuna li ħarbu mid-djar tagħhom fil-gwerra tal-1948.

    Khaled Batch, uffiċjal Palestinjan, qal li l-ġurnata tal-lum se tkun ġurnata ddedikata għall-funerali, u indika li għal-lum mhux mistennijin li jkun hemm aktar dimostrazzjonijiet mal-fruntiera wara dik li kienet l-aktar ġurnata mdemmija f’Gaza sa mill-gwerra tal-2014.

    Il-midja Iżraelita rrapportat li wħud mit-tined użati mid-dimostranti tneħħew.

    Ix-xeni ta’ vjolenza li kkaratterizzaw il-jum tat-Tnejn ikkuntrastaw bil-kbir mal-inawgurazzjoni tal-Ambaxxata Amerikana f’Ġerusalem f’żona sinjura tal-belt.